It-talba li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-Prim Ministru biex jitressaq quddiem il-Qrati Kriminali u jintbagħat il-ħabs, m’hi xejn għajr talba ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li jaf li kulma jmur qed isir iktar irrelevanti.
Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, fejn intqal li Bernard Grech għalhekk jara liema gimmick se jivvinta biex jara kif se jsalva postu fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Intqal li fuq kollox hija talba ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li jemmen li l-istituzzjonijiet qegħdin hemm biex jilagħbu l-logħob partiġġjan tiegħu u ta’ min poġġih fil-kariga.
“It-talba ta’ Bernard Grech hi talba oħra li tikkonferma kemm pajjiżna għandu Kap tal-Oppożizzjoni ‘cheap’, kuntrarju għall-Prim Ministru li f’kull ċirkostanza li kellu quddiemu, inkluż il-kwistjoni tal-isptarijiet, ħares u qiegħed iħares l-interess nazzjonali,” temm jgħid il-Partit Laburista.