Illum id-9 ta’ Mejju jimmarka Jum l-Ewropa.
Kien fid-9 ta’ Mejju tal-1950 meta l-Ministru għall-Affarjiet Barranin Franċiż, Robert Schuman, kien għamel dikjarazzjoni favur il-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, bil-membri tagħha jpoġġu taħt awtorità komuni l-produzzjoni tal-faħam u l-azzar tagħhom.
Dan sar fl-isfond tal-fatt li t-Tieni Gwerra Dinjija kienet ilha biss ħames snin li spiċċat, u kemm il-faħam kif ukoll l-azzar kienu riżorsi estremament importanti għall-gwerra.
Riżultat ta hekk, id-dikjarazzjoni wittiet it-triq għal koperazzjoni bejn l-pajjiżi tal-Ewropa, li wasslet ukoll għal iktar stabbiltà u għall-paċi bejn il-pajjiżi membri, li għadna ngawduhom sal-lum.
Kien ħamsa u tletin sena wara d-dikjarazzjoni ta’ Schuman, li l-Komunità Ewropea għażlet id-9 ta’ Mejju biex tikkommemora Jum l-Ewropa.
Mill-ħolqien tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għall-Unjoni Ewropea tal-lum, saru bidliet ekonomiċi, demografiċi, u soċjali kbar, kemm fid-dinja u kif ukoll fil-kontinent Ewropew innifsu.
Intant f’messaġġ fuq Twitter fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li hemm bżonn riflessjoni fuq dak li l-Unjoni Ewropea għamlet matul is-snin.
Dr Abela semma s-suq uniku, ix-xiri konġunt tal-vaċċin waqt il-pandemija globali, il-fondi Ewropej, il-kordinazzjoni fis-settur tal-enerġija fi kriżi bla preċedent, u ħafna aktar.
Il-Prim Ministru esprima t-tama tiegħu li dawn l-istejjer ta’ suċċess iservu ta’ ispirazzjoni biex jitkomplew isiru aktar miżuri favur iċ-ċittadini.
Pajjiżna ċċelebra Jum l-Ewropa fil-Belt Valletta. Numru ta’ aġenziji li joffru servizzi relatati mal-Unjoni Ewropea għaddew informazzjoni lin-nies li kienu deħlin u ħerġin fil-kapitali Maltija dwar id-drittijiet Ewropej, dwar is-servizzi offruti liċ-ċittadini, dwar il-fondi Ewropej, kif ukoll dwar opportunitajiet ta’ xogħol fl-Unjoni Ewropea, fost affarijiet oħrajn.
Wara t-tnedija tal-pakkett il-ġdid ta’ €2.2 biljun f’fondi tal-Unjoni Ewropea għal Malta għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027, il-pubbliku kellu l-opportunità li jsir jaf aktar dwar fejn se jintefqu dawn il-fondi u kif setturi differenti tas-soċjetà jistgħu jibbenefikaw minnhom fis-snin li ġejjin.
Denise Fiorentino, li hija l-Kap Eżekuttiv tas-Servizzi Ewropej f’Malta, is-SEM, spjegat li l-aġenzija sservi ta’ għodda importanti sabiex pajjiżna jieħu l-aħjar opportunitajiet mill-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv tas-SEM qal “Il-fondi Ewropej kienu ta’ benefiċċju għan-nies fil-ħajja ta’ kulljum. Naraw proġetti infrastrutturali li affettwaw il-ħajja tan-nies direttament. Naraw infrastruttura bħal toroq, infrastruttura marittima. Pero, kien hemm elementi oħrajn, bħal pereżempju skemi marbutin ma’ negozji, fejn negozji setgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropej biex ikabbru n-negozju tagħhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, spjega li b’għajnejna naraw biss porzjon żgħir mill-kejk ta’ opportunitajiet u benefiċċji li ġġib magħha s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari qal “Illum il-ġurnata qed naraw lil pajjiżna, li huwa membru sħiħ u attiv ħafna fl-Unjoni Ewropea, li qed jieħu l-frott tal-isħubija li għandu dan il-pajjiż. Minn issa ’l quddiem qed niġġestixxu aktar minn elfejn miljun ewro li qed naraw li jmorru f’ kull faxxa tas-soċjetà Maltija.”
Waqt l-attività sar ukoll programm ta’ mużika u koreografija minn studenti mill-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva u kwizz għal studenti minn skejjel sekondarji, organizzat mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.