Fil-ġimgħat li għaddew is-servizzi tal-Kura Primarja nedew programm nazzjonali tal-eżaminar tal-glawkoma għal dawk li għandhom ’il fuq min 40 sena.
Dan is-servizz ta’ prevenzjoni huwa mmirat għal persuni li għadhom mhumiex jesperjenzaw sintomi ta’ glaucoma u dan bil-għan li din il-kundizzjoni tkun identifikata fl-istadji bikrin tagħha u għalhekk jinbeda t-trattament mill-bidu nett.
Waqt żjara fil-klinika tal-komunità tal-Belt Valletta, fejn qed jiġi offrut dan is-servizz mingħajr il-bżonn ta’ riferta, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, spjega kif minkejja li l-glawkoma ġeneralment tibda tħalli l-effetti kiefra tagħha f’persuni ta’ ’l fuq minn 60 sena, permezz ta’ dijanjosi bikrija dawn jistgħu jkunu evitati wkoll.
Il-professjonisti tas-saħħa li jmexxu dan is-servizz qalu lid-Deputat Prim Ministru li 5 fil-mija tal-persuni li diġà għamlu użu minn dan is-servizz fil-komunità kienu riferuti liċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għal testijiet ulterjuri tal-għajnejn.
Id-Deputat Prim Ministru appella lill-adulti ta’ ’l fuq minn 40 sena u kif ukoll individwi li jbatu bid-dijabete jew li għandhom storja ta’ glawkoma fil-familja sabiex jagħmlu użu minn dan is-servizz effiċjenti li se jibda jkun offrut mill-kliniċi tal-komunità kollha, skont skeda aġġornata mill-Kura tas-Saħħa Primarja.
Huwa faħħar din l-inizjattiva, li tingħaqad mas-servizzi l-oħra speċjalizzati tal-għajnejn offruti miċ-Ċentru tal-Eċċellenza tal-Għajnejn fil-Furjana.
Individwi li jixtiequ iżjed informazzjoni dwar dan is-servizz jistgħu jċemplu lill-Client Support Centre tal-Kura tas-Saħħa Primarja fuq 21 231 231 jew 21 222 444.