Il-proġett ta’ St Michael Hospice tal-organizzazzjoni filantropika Hospice Malta qed joqrob lejn l-aħħar stadji tat-tlestija tiegħu.
Il-binja l-ġdida se ssir il-post ewlieni għall-Hospice Malta u mistennija tkompli ssaħħaħ is-servizzi palljattivi fil-komunità li diġà ġew stabbiliti biż-żieda ta’ servizzi in-patient u servizzi mtejba ta’ terapija ta’ matul il-jum, biex tingħata kura palljattiva aktar komprensiva.
Fl-in-patient, il-kmamar huma ddisinjati biex jipprovdu l-kura medika kollha meħtieġa f’ambjent kalm u paċifiku, spazjuż biżżejjed biex il-qraba jakkumpanjaw lill-pazjent meta jkun meħtieġ. Il-pazjenti se jkunu qed jutilizzaw din it-taqsima għal soġġorni qosra, skont kriterji stabbiliti. Is-St Michael Hospice se jkun jinkludi wkoll ġonna u btieħi kbar fuq barra li qed jiġu mibdula f’żoni ta’ rilassament.
Il-binja l-ġdida se tinkludi uffiċċji tal-Hospice, li jiġbru flimkien il-professjonisti, il-maniġment, u l-membri kollha tat-tim taħt saqaf wieħed. Barra minn hekk, iċ-ċentru edukattiv se jkompli jippermetti li lHospice jospita konferenzi kif ukoll sessjonijiet ta’ taħriġ edukattiv, peress li l-post se jkun mgħammar b’teknoloġija awdjoviżiva u konnettività mal-internet. Se jkollu l-kapaċità li jospita sa 140 delegat. Iċ-ċentru se jkun disponibbli wkoll għall-użu minn organizzazzjonijiet oħra.
Is-servizzi kollha ta’ Hospice huma bla ħlas. Madankollu, il-Hospice Malta tfittex għajnuna minn individwi u negozji biex tkun tista’ tkompli bil-qadi tagħha b’risq dawk li l-aktar għandhom bżonnha.
Fi stqarrija, il-Hospice fakkret li dawk li jixtiequ jappoġġjaw il-proġett St Michael Hospice jistgħu jagħtu donazzjoni jew jagħmlu kuntatt biex jaraw kif jistgħu jagħmlu differenza.
L-istqarrija għamlet referenza għal każ partikolari ta’ altruwiżmu minn membru tal-komunità: dak tas-Sinjura Linda Fryer minn Għawdex, li s-sena l-oħra ngħaqdet mal-Hospice Malta għal kampanja bl-isem ‘Live it Now’. Hija rnexxielha tikseb appoġġ mir-Renju Unit, mill-Afrika t’Isfel, u mill-Istati Uniti, fost pajjiżi oħra. Flimkien ma’ 400 persuna minn Għawdex u Malta, fosthom tfal u staff minn żewġ skejjel, negozji, u artisti lokali, appoġġaw it-tliet avvenimenti ewlenin li saru b’risq il-ġbir ta’ fondi għall-Hospice.
L-inizjattiva tas-Sinjura Fryer rebbħitha nomina għall-ewwel edizzjoni tal-Pride of Gozo Awards, li jirrikonoxxi lir-residenti Għawdxin li qed jagħmlu ħilithom biex jgħinu lill-komunità tagħhom issir post aħjar. Permezz ta’ din il-kampanja, inġabru ftit aktar minn €16,500.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Hospice Malta, Kenneth Delia, irringrazzja lis-Sinjura Fryer u qal li fondi bħal dawn huma kritiċi fl-appoġġ tal-proġett il-ġdid tal-Hospice, li hu mmirat speċifikament għall-pazjenti u l- qraba li jakkumpanjawhom f’dawn il-mumenti diffiċli fl-in-patient unit.
Is-Sinjura Fryer qasmet l-entużjażmu tagħha għall-proġett l-aktar ġdid ta’ Hospice, u qalet: “Huwa tassew inkoraġġanti li tara b’għajnejk stess li l-proġett ta’ St Michael Hospice jinsab ftit passi biss ‘il bogħod milli jiftaħ il-bibien tiegħu biex jibda jagħti servizz lill-komunità. Nixtieq inħeġġeġ lill-oħrajn biex jingħaqdu u jorganizzaw avvenimenti ta’ ġbir ta’ fondi biex b’hekk jikkontribwixxu b’mod attiv biex jappoġġaw lill-NGO sabiex tkun tista’ tkompli taqdi lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha.”