Ġie varat il-pjan strateġiku ġdid għat-taxxa u l-ġbir ta’ ħlasijiet mid-dwana sas-sena 2025.
Il-pjan strateġiku ġdid se jkun qiegħed jibbaża fuq il-prinċipji ta’ governanza tajba, fosthom li l-ħlasijiet tat-taxxa dovuti jinġabru f’ħinhom.
Dan biex filwaqt li l-pajjiż ma jintroduċi l-ebda taxxa ġdida għall-indiwidwi jew in-negozji, xorta waħda jibqa’ jlaħħaq mad-domanda tal-pajjiż biex jinqdew il-ħtiġijiet finanzjarji li kulma jmur qegħdin dejjem jikbru.
Dan fid-dawl tal-fatt li l-amministrazzjoni tax-taxxa u tad-dwana hija responsabbli għal madwar 92.5 fil-mija tad-dħul tal-Gvern.
Il-pjan strateġiku se jkun qiegħed jembarka fuq proċess ta’ tiġdid u investiment teknoloġiku, b’mod speċjali fl-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi.
Il-Kummissarju tat-Taxxi, Joseph Caruana, innota l-progress li diġà sar f’dan il-qasam fosthom bl-issimplifikar ta’ proċessi dwar il-ġbir tat-taxxa.
Huwa spjega t-tliet pilastri li fuqhom huwa msejjes dan il-pjan strateġiku.
Il-Kummisarju tat-taxxa qal “Din l-istrateġija hija magħmula fuq tliet pilastri: fuq li nkunu qrib iċ-ċittadin; it-tibdil fl-organizzazzjoni – kif semmejt, numru ta’ inizjattivi biex insaħħu l-governanza tajba; kif ukoll, imbagħad, fl-operat tas-servizzi. Dan kollu jista’ jinkiseb billi llum nimmodernizzaw is-sistemi tagħna – illum ma tistax titkellem mingħajr teknoloġija.”
Fost l-oħrajn, l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi se jkun qiegħed jipprepara l-pedament għal sistema li tirrapporta l-ħlasijiet tax-taxxa f’ħin reali. Dan l-investiment se jwassal biex l-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi jservi aħjar lill-klijenti tiegħu.
Fil-fatt, b’investiment ta’ €3 miljun f’xiri ta’ liċenzji għal programm teknoloġiku se jkun jista’ jiġi rrikonċiljat id-dħul mal-akkumulazzjoni tal-ġid li n-negozju jew li l-individwu jkollu.
B’hekk, se tkun qed tinġabar informazzjoni dwar l-assi kollha tal-individwi li titqabbel max-xiri ta’ assi oħra taħt saqaf wieħed.
Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana, stqarr li din it-transformazzjoni qed issir biex id-diversi dipartimenti jaħdmu qrib xulxin filwaqt li jkun hemm bidla fil-kultura lejn dan il-qasam.
Il-Ministru Caruana nnota li s-sena li għaddiet kien hemm 1,800 persuna li marru għal ftehim biex iħallsu b’lura t-taxxa dovuta; żieda ta’ 42 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel. Fil-fatt, din iż-żieda hija attribwita għall-fatt li issa l-arretrati tat-taxxa jitħallsu permezz ta’ ftehim wieħed li jkopri t-taxxi kollha.
Huwa nnota li dan wassal biex id-Dipartiment tat-Taxxa ġabar €240 miljun aktar f’taxxa matul is-sena li għaddiet.
Il-Ministru Caruana nnota li dan kollu se jkun qiegħed jagħti stampa ċara lid-dipartiment biex ikun hemm aktar governanza tajba fil-qasam tat-tassassjoni.
Innota wkoll li dan l-isforz qiegħed isir biss biex ikun hemm serħan il-moħħ li l-finanzi tal-pajjiż ikunu b’saħħithom filwaqt li rriafferma l-appoġġ tiegħu lejn in-negozji li ta’ kuljum joħolqu l-ġid b’mod onest.
Il-Ministru qal “Il-Gvern jassigura aktar level playing field fid-dinja tan-negozju imma anki fost dawk kollha li ġenwinament iħallsu t-taxxa tagħhom biex niżguraw li l-Gvern jiġbor dak id-dħul kollu dovut lejh ħalli, fl-aħħar mill-aħħar, kull meta tinqala’ okkażjoni bħalma kellna fil-pandemija jew inkella riċenti minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, il-Gvern ikun jista’ jgħin lin-negozji u liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”
Il-Ministru Caruana qal li mhix se tieqaf il-ħidma biex pajjiżna jkollu sistema ta’ tassassjoni aġġornata għaż-żminijiet tal-lum.