L-Awtorità tal-Ippjanar ħabbret li ħadet azzjoni diretta dwar post fejn kien qed jinħażen il-fjuwil illegalment, b’kapaċità potenzjali ta’ ħażna ta’ 2.3 miljun litru.
Fuq il-paġna tagħha fuq il-Facebook, l-Awtorità qalet li s-sit kien qed jitħaddem kontra l-liġi minn fornitur lokali tal-fjuwil. Madankollu, ma tatx dettalji ta’ fejn qiegħed il-post.
Taħt is-supervizjoni ta’ inġinier professjonali, l-Awtorità żgurat li t-tankijiet tal-fjuwil jitbattlu u ssiġillathom sabiex twaqqaf lill-fornitur milli jkompli jużahom.
Is-sit huwa suġġett għal applikazzjoni tal-ippjanar li permezz tagħha l-applikant qed jipprova jissanzjona t-tankijiet u l-użu tal-post bħala ċentru għall-ħażna tal-fjuwil. L-applikazzjoni għadha qed tiġi pproċesstaa mill-Awtorità tal-Ippjanar u qed isiru konsultazzjonijiet mal-entitajiet rispettivi dwar il-proposta.
L-Awtorità qalet li kellha teskala l-azzjoni tagħha wara li l-fornitur tal-fjuwil injora l-ordnijiet li tatu, l-ewwel permezz ta’ Avviż għall-Waqfien u l-Infurzar u mbagħad bi Ksur ta’ Notifika.
Iż-żewġ twissijiet huma suġġetti għal penali ta’ kuljum li se jibqgħu jgħoddu sakemm l-Awtorità tissanzjona l-iżvilupp jew tordna li jitneħħa.