“Iż-żgħażagħ huma l-element ewlieni biex il-wirt kulturali tagħna bħall-każini tal-banda jibqgħu ħajja fil-komunitajiet tagħna”. Hekk stqarr is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti waqt il-Konferenza Nazzjonali li ġiet organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ intitolata “Il-Każini tal-Banda taħt Lenti Żagħżugħa.”
Fost numru kbir ta’ parteċipanti li attendew għal din il-konferenza, spikkaw iż-żgħażagħ li jridu jagħtu kontribut u jkunu parti integrali mill-kultura ta’ pajjiżna bis-sehem tagħhom fl-għaqdiet tal-banda.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti feraħ lil dawk kollha preżenti u rringrazzjahom tas-sehem tagħhom b’mod volontarju f’għaqdiet kulturali ta’ dan it-tip. “Bħala gvern se nkomplu nkunu ta’ sostenn għalikom iż-żgħażagħ li intom parti mill-għaqdiet tal-banda sabiex tkomplu twettqu x-xogħol sfiq li qegħdin tagħmlu fis-soċjetà. Irridu niżguraw ukoll li aktar żgħażagħ ikunu inċentivati u motivati jissieħbu fl-għaqdiet tal-banda biex inkomplu nżommu t-tradizzjoni ħajja,” tenna Keith Azzopardi Tanti.
Is-segretarju parlamentari qal li l-gvern wera biċ-ċar kemm għandu għal qalbu din it-tradizzjoni bl-għajnuna li qed jagħti lid-diversi każini tal-banda li kienu f’riskju ta’ żgumbrament. Huwa temm billi ħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex jersqu ‘l quddiem bil-proposti tagħhom.
Waqt il-konferenza tkellmet ukoll id-Direttriċi ta’ Aġenzija Żgħażagħ Maria Borg fejn spjegat li l-Aġenzija ilha għal dawn l-aħħar snin taħdem mill-qrib mal-Għaqda Każini tal-Banda sabiex tiżgura li aktar żgħażagħ ikollhom post sigur fejn jistgħu jesprimu ruħhom.
“Organizzajna din il-konferenza sabiex nisimgħu liż-żgħażagħ u naraw kif l-għaqdiet tal-banda jibqgħu relevanti għalihom kemm għal-lum kif ukoll għall-futur. Huwa importanti li nfittxu aktar spazji għaż-żgħażagħ fejn jistgħu jimirħu, iżda huwa importanti wkoll li nkomplu nkattru l-ispazji li għandna preżenti li joffru kenn għaż-żgħażagħ,” qalet is-Sinjura Borg.
F’isem l-Għaqda Każini tal-Banda tkellem Duncan Brincat fejn stqarr kemm l-għaqda temmen bis-sħiħ fis-sehem taż-żgħażagħ fl-għaqdiet tal-banda. Kompla li huwa importanti li jkomplu jippreservaw l-uniċità li kull għaqda tal-banda għandha, u li tmur lura għal għexieren ta’ snin.
“Iż-żgħażagħ huma l-preżent u l-futur tal-każini tal-banda u rridu nkomplu nisimgħu l-ideat innovattivi tagħhom ta’ kif l-għaqdiet jibqgħu ħajja u joffru s-sehem tagħhom fis-soċjetà,” tenna s-Sur Brincat. Huwa temm l-intervent tiegħu billi wera s-sodisfazzjoni għax-xogħol li l-każini tal-banda qegħdin jagħmlu, b’mod partikolari bis-sehem taż-żgħażagħ, u rringrazzja n-numru kbir ta’ voluntiera li qegħdin jagħtu ħinhom u t-talenti tagħhom biex iżommu l-baned f’Malta attivi u ħajja.
Waqt din il-konferenza ġew organizzati numru ta’ workshops għaż-żgħażagħ voluntiera preżenti sabiex flimkien jiddiskutu kif jistgħu jinvolvu ruħhom aktar fl-għaqdiet tal-banda u b’liema mod jistgħu jattiraw aktar żgħażagħ jissieħbu bħala membri attivi fil-każini.