Ġiet inawgurata sala rinnovata fil-faċilità tal-kura tal-anzjani San Vinċenz De Paul. Ix-xogħol f’din I-sala – is-St Joseph Ward 1 – sar b’investiment ta’ miljun ewro.
Din is-sala hija waħda minn 18 li ġew rinnovati f’dawn l-aħħar ħames snin, u fiha kmamar iddedikati għall-koppji.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul, Josianne Cutajar, spjegatali kien qed ikun hemm koppji li jispiċċaw mifrudin u kien għalhekk li, wara studji intensivi, din is-sala inkorporat dawn il-kmamar tal-koppji.
Il-Kap Eżekuttiv qalet “Il-kmamar se jkunu naqra iktar spazjużi, għaliex fihom ikun hemm qisu flat żgħir ħalli jkunu jistgħu jiġu anke l-familjari tagħhom u anke, hekk, ikollhom xi attivitajiet bejn il-familja fl-istess kamra”
Jossianne Cutajar kompliet tispjega kunċett ieħor li fiha s-sala, il-kamra tal-iżolament għal residenti li jkollhom mard li jista’ jittieħed. Din se tintuża sabiex ikomplu jiġu protetti s-saħħa u sigurtà tar-residenti.
Hija qalet li “Għandha standards iktar għoljin, standards speċifiċi ta’ infection control, biex kemm jista’ jkun ma tinxteridx dik l-infezzjoni lill-kumplament tas-sala.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li għalkemm huwa importanti li wieħed jinvesti fl-infrastruttura, huwa daqstant importanti li nkomplu investu fir-riżors uman.
Il-Ministru qal “Ir-riżorsi umani waħidhom lanqas huma biżżejjed. Aħna nemmnu ħafna fit-tagħlim, fit-taħriġ, f’koperazzjoni mal-Università tagħna f’Malta kif ukoll ma’ universitajiet barra minn Malta.”