Ġiet imnedija r-raba edizzjoni ta’ ‘Science in the Citadel’ imtella’ mid-Direttorat ta’ EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex.
Dan l-avveniment iservi sabiex jippromwovi l-edukazzjoni u l-involviment tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika fost il-pubbliku ġenerali.
Fiċ-Ċittadella, il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri qal li Science in the Citadel sar parti mill-kalendarju kulturali ta’ bosta, hekk kif jattira l-viżitaturi Għawdxin u anke Maltin.
Stqarr li hekk kif it-teknoloġija tkompli tavvanza, avvenimenti bħal dawn iqarrbu n-nies lejn it-teknoloġija u x-xjenza, u issa aktar minn qatt qabel, ix-xjenza huwa suġġett meħtieġ għall-għajxien tagħna.
Il-Ministru temm jgħid li dan l-avveniment bla ħlas huwa wieħed għall-familja kollha, u stieden lill-pubbliku sabiex jattendi.
“Proprju hawnhekk ġewwa s-swar taċ-Ċittadella se jittellgħu numru ta’ attivitajiet matul il-ġurnata kollha għall-familja kollha, li huma relatati max-xejnza, l-matematika u mat-teknoloġija. Għaldaqstant, nistieden lill-familji kollha sabiex jagħmlu appuntament u jkunu hawnhekk, apparti li se jgawdu proprju wirt storiku ta’ pajjiżna, se jkunu wkoll qed igawdu ħin mal-familja tagħhom, u fl-istess ħin ikun ħin edukattiv għal kulħadd.”
‘Science in the Citadel’ se jsir fl-inħawi kollha taċ-Ċittadella, il-Ħadd, erbatax ta’ Mejju, bejn l-għaxra ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija.