L-entużjażmu qed ikun kbir fost it-tfal tal-iskejjel waqt żjarat li qed tagħmlilhom Puka, il-maskot uffiċjali tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (il-GSSE), akkumpanjata minn atleti Maltin li se jipparteċipaw fl-istess Logħob.
Fi żjara minnhom, fl-iskola Primarja A ta’ San Ġwann, ipparteċipa wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.
Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar se jsir f’Malta bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju, u mistennija jipparteċipaw fih mal-1,000 atleta u 500 uffiċjal f’għaxar dixxiplini sportivi.
Il-maskot ġie introdott f’Diċembru li għadda quddiem għexieren ta’ tfal minn skejjel differenti u fil-preżenza tal-atleti Maltin fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
L-isem Puka ġej mill-kelma lampuka, il-ħuta tant imfittxija mill-Maltin u li nsibu fl-ibħra ta’ madwarna.