Matul is-sena li għaddiet, id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal f’pajjiżna, irċieva elfejn, mija u ħamsa u tmenin rapport, li trattaw abbużi differenti fil-konfront ta’ tfal Maltin u Għawdxin.
Id-Direttur ta’ dan id-Direttorat, Steve Libreri, spjega ma’ ONE News kif ħafna mis-sitwazzjonijiet, ikollhom fiċ-ċentru tagħhom tfal ċkejknin li jispiċċaw vittmi ta’ xi abbuż u jkollu bżonn jintervjeni l-istat.
Qal, “Qegħdin nitkellmu fuq rapporti li nkunu rċevejna biex ninvestigaw allegazzjonijiet ta’ abbużi. Abbużi sesswali, abbużi fiżiċi, każijiet ta’ traskuraġni, fejn hemm tfal li qegħdin jgħixu ġo ambjenti jew stili ta’ ħajja li jistgħu jkunu kaotiċi minħabba l-attitudnijiet jew life choices tal-ġenituri, fejn dan id-Direttorat huwa inkarigat li jistudja s-sitwazzjoni ta’ dawn it-tfal u jipprova jara x’hemm għaddej tajjeb u x’hemm għaddej ħażin.”
Ix-xogħol tal-ħaddiema fi ħdan id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal, huwa li janalizzaw il-problema, u flimkien mal-familji, jiżviluppaw pjan ta’ kif jistgħu jissolvew.
Fil-maġġoranza tal-każijiet, dan isir, u t-tfal jibqgħu jgħixu fil-familja naturali tagħhom.
Fil-fatt, ċifri li kiseb ONE News, juru kif mill-każijiet kollha li mess magħhom id-Direttorat is-sena l-oħra, aktar minn elfejn, kienu biss sebgħa u tmenin, li raw il-ħruġ ta’ care order.
Kull każ huwa differenti, iżda meta tittieħed deċiżjoni biex it-tfal jitneħħew minn ġol-familja bijoloġika tagħhom, irid ikun hemm riskji pervażivi jew letali għaċ-ċkejknin.
Qal, “Meta qed nitkellem fuq riskju pervażiv, jiġifieri meta inti ilek taħdem mal-familja, ippruvajt tgħinhom, tajthom għajnuniet differenti, però l-familja tidher imblukkata fl-istatus quo tagħhom. Jiġifieri kienu abbużivi, għenthom, u baqgħu abbużivi. Kien hemm tfal li qed ibatu, tipprova taħdem magħhom, tajthom ir-riżorsi, però dak l-abbuż ma sparixxiex.”
Id-Direttorat għall-Ħarsien tat-Tfal jagħti wkoll ir-riżorsi tiegħu fejn jidħlu ħażijiet ta’ Qorti u anki każijiet ta’ minuri li jaslu Malta waħedhom, magħrufa bħala Unaccompanied Minors.
Is-sena l-oħra, id-Direttorat ħadem f’aktar minn mitt każ fil-Qorti tal-Familja, filwaqt li fejn jidħlu każijiet ta’ kura u kustodja lil tfal li ġew Malta waħedhom, ġew riżolti kważi mija u tletin każ.
Id-Direttorat għandu wkoll sehem fil-każijiet li jinstemgħu fiċ-Children’s House – binja separata mill-Qorti fil-Belt, mgħammra apposta għat-tfal.
Permezz ta’ din il-binja, it-tfal jagħtu x-xhieda tagħhom f’ambjent adattat għalihom u taħt gwida ta’ professjonisti li jistgħu jgħinuhom f’dak li jkollhom bżonn.
Qal, “Għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni ta’ Malta hija magħmula minn tfal u nħoss li għandhom bżonn nies bħalna li jaħsbu għad-drittijiet tagħhom u jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jibnu arkitetturi differenti biex dawn it-tfal ikunu jistgħu jipparteċipaw aħjar f’kull aspett soċjali.”