Mohamed Ali Mahmud ta’ 31 sena mit-Tuneżija nħeles mill-arrest wara li ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi lil persuna oħra.
Il-prosekuzzjoni mmexxija minn Shamus Woods spjegat li bejn it-30 u l-31 ta’ April daħal rapport fl-għassa ta’ Tas-Sliema li kien hemm ġlieda bejn żewġ persuni. L-imputat ġie mixli wkoll li kiser diversi kundizzjonijiet ta’ bail.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża mmexxija mill-avukat Franco Debono talbet għall-ħelsien mill-arrest fuq l-ispjegazzjoni li l-akkużat ġie aggredit bi flixkun minn persuna li qatt ma ra qabel u pprova jiddefenda ruħu kontra tliet persuni li qabżu fuqu.
Wara li l-Qorti semgħet is-sottomisjonijiet, il-Maġistrat Dr. Elaine Mercieca laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijie b’depożitu garanzija ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.