Ir-Re Karlu t-Tielet ġiet inkurunat bħala l-Kap tal-Monarkija tar-Renju Unit, waqt ċerimonja solenni li saret f’Westminster Abbey, f’Londra.
Filwaqt li r-Re Karlu ħa dan l-irwol immedjatament wara l-mewt ta’ ommu, ir-Reġina Eliżabetta II f’Settembru li għadda, l-inkurunazzjoni tal-ogħla membru tal-monarkija dejjem issir wara li jiġi proklamat is-suċċessur.
Ir-Re Karlu sar l-akbar Kap tal-Monarkija fl-istorja tar-Renju Unit, u se jibqa’ wkoll imniżżel fl-istorja bħala l-aktar monarka li dam fl-eredi għat-tron.
Fl-isfond ta’ temp tipikament Ingliż, ir-Re Karlu akkumpanjat minn martu Camilla, telqu mill-Palazz ta’ Buckingham għall-ħabta tal-ħdax u għoxrin ta’ filgħodu, ħin ta’ Malta.
Huma ntlaqgħu bin-noti tal-innu tar-Renju Unit u minn eluf ta’ persuni li nġabru fit-toroq; b’uħud minnhom ilhom hemm għal diversi jiem.
Ir-Re u r-Reġina rikbu fid-Diamond Jubilee State Coach, karozzella li saret riċentament u li hija mgħammra bl-arja kkundizzjonata, fost affarjiet oħra.
Il-karozzella kienet akkumpanjata minn korteo u l-membri tal-Kavellerija, jew aħjar il-Household Cavalry, u għaddiet minn fost l-applaws mill-folol kbar li nġabru tul ir-rotta li għadda minnha l-korteo.
Biex wara, f’nofsinhar bdiet iċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni, li tmexxiet mill-Arċisqof ta’ Canterbury, Justin Welby.
Qalb id-daqq tal-qniepen, u l-fanfarra ċerimonjali, daħlet ir-Reġina Camilla.
Wara daħlu l-kuruni tar-Re u r-Reġina, biex imbagħad daħal ir-Re Karlu.
Fost dawk li żammew il-mant tar-Re, kien hemm il-Prinċep George – it-tieni eredi tar-Renju Unit.
Flimkien magħhom daħlu l-Prinċep ta’ Wales, il-Prinċep William, l-eredi tat-tron, u martu Kate.
Din iċ-ċerimonja kienet segwita minn miljuni kbar ta’ persuni minn madwar id-dinja kollha, u għaliha attendew fost l-ogħla mexxejja fid-dinja.
Fost dawk li attendew din iċ-ċerimonja kien hemm id-Duka ta’ Sussex, il-Prinċep Harry, iżda martu Meghan m’attendietx.
L-Istat Malti ġie rrappreżentat mill-President ta’ Malta, George Vella u s-Sinjura tiegħu.
Iċ-ċerimonja kienet ibbażata fuq liturġija b’għeruq fit-tradizzjoni antika, sinonima ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
L-Arċisqof Welby introduċa ċ-ċerimonja, fejn ir-Re Karlu kien proklamat bħala “ir-Re indiskutibbli” tar-Renju Unit quddiem il-kongregazzjoni li esprimiet il-fiduċja tagħha bl-għajta ‘God Save the King’.
Wara, ir-Re Karlu t-tielet ħa l-ħalfa li jaqdi r-rwol tiegħu fedelment u b’dedikazzjoni assoluta lejn il-poplu fejn ikkonferma li jirrispetta dejjem il-liġi.
Wara li ħa l-hekk imsejjeħ Coronation Oath, ir-Re Karlu iddikjara lilu nnifsu bħala Protestant fidil lejn dan it-twemmin.
Imbagħad, ir-Re Karlu poġġa bilqiegħda fuq is-St Edward’s Chair, it-tron li għandu mas-seba’ mitt sena ta’ storja. Hemm irċieva għadd kbir ta’ rigali bħala l-Kap tal-Monarkija fosthom ix-xettri, u ċurkett.
Wara tpoġġiet fuq ras ir-Re Karlu, il-Kuruna, biex b’hekk ġie nkurunat bħala l-Kap tal-Monarkija Brittanika.
Mal-mument li tpoġġiet il-Kuruna fuq ras ir-Re, ġie sparat salut minn The King’s Troop Royal Horse Artillery, li kienu stazzjonati f’Horse Guards Parade.
Iċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni solenni ntemmet bir-Re jqum minn fuq is-siġġu u jpoġġi fuq it-Tron, fejn radd ġieħ lil missieru, il-Prinċep Philip u lill-membri tal-Kongregazzjoni – li min-naħa tagħhom ħalfu lealtà assoluta lejn il-Kap tal-Monarkija.
Karlu III deher emozzjonat immens hekk kif ibnu William ħa l-ġurament tal-ubbidjenza lejh.
Għall-ħabta tas-siegħa, ir-Re beda triqtu lura lejn il-Palazz ta’ Buckingham, permezz tal-karozzella tad-deheb, li għandha mal-mitejn u sittin sena.
Tradizzjoni antika li seħħet fiċ-ċerimonja li ħadet lura lir-Re l-palazz, saret bis-sehem tal-forzi mibgħutta minn kull stat tal-Commonwealth. Il-Forzi Armati ta’ Malta kienu nvoluti waqt din iċ-ċerimonja.
Mal-wasla tiegħu fil-Palazz, ir-Re Karlu tlieta daħal fil-ġnien fejn ġie milqugħ minn erbat elef suldat.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum l-Inkurunazzjoni ntemmet billi l-Kap tal-Monarkija Ingliża, flimkien ma’ martu r-Reġina, it-tnejn bil-kuruna fuq rashom, u l-familja tagħhom, ħarġu jsellmu u jxejru lill-eluf ta’ nies li nġabru quddiem il-palazz.
Intant, fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lir-Re u lir-Reġina għal din il-ġurnata speċjali għalihom u għall-familja rjali. Dr Abela awgura li r-relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u r-Renju Unit, tkompli tissaħħaħ fil-Commonwealth.