Ġie ffirmat ftehim fuq medda ta’ sentejn li permezz tiegħu persuni b’diżabilità severa se jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-Motor Activity Training Programme (MATP) li jwassal għall-Ispecial Olympics.
Dan il-programm joffri taħriġ professjonali u speċjalizzat f’diversi dixxiplini sportivi, u ġie ffirmat bejn l-Aġenzija Sapport u Special Olympics Malta.
L-aġenzija mistennija tkompli taħdem mill-qrib ma’ Special Olympics Malta fl-organizzazzjoni ta’ tournaments kull sena waqt li tidentifika impjegati biex jattendu programmi ta’ taħriġ organizzati minn Special Olympics Malta.
L-aġenzija se tipprovdi wkoll faċilitajiet ta’ ċentri ta’ matul il-jum li jkunu jistgħu jintużaw minn Special Olympics Malta għall-fini ta’ taħriġ f’ħinijiet wara s-sigħat normali tal-operat taċ-ċentri.
Il-President ta’ Special Olympics, Lydia Abela rrimarkat li din il-ħidma konġunta se tagħraf aktar l-akbar abbiltajiet ta’ kulħadd, bi prinċipji ċari favur l-inklussività.
Qalet, “Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni se nkunu qegħdin nagħtu wkoll taħriġ professjonali lil ġenituri u anka kuratturi legali tal-atleti tagħna. L-isport huwa wieħed mill-katini importanti favur l-inklussività u se naraw li permezz ta’ din il-kolaborazzjoni se nkunu qegħdin naħdmu biex noħorġu l-abiltajiet kollha tal-atleti tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna qal li din il-kollaborazzjoni sserraħ fuq żewġ pilastri.
Qal, “Qed inkomplu nsaħħu l-parteċipazzjoni flimkien ma’ Special Olympics Malta li dawn jiġu fiċ-ċentri tagħna ta’ matul il-jum u anke jagħtu taħriġ lill-persuni li jattendu dawn iċ-ċentri.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli rrimarkat li dan il-ftehim juri l-ħidma kontinwa tal-gvern biex tkompli tissaħħaħ l-inklużjoni permezz tal-isport.
Min-naħa tagħha, id-Direttur ta’ Special Olympics Malta, Anna Calleja, qalet li b’dan il-ftehim, se tintlaħaq faxxa akbar ta’ persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jitħarrġu f’attivitajiet sportivi differenti.