Fl-aħħar jiem, is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta rċevew l-ewwel paga li nkludiet l-aġġustament fir-renumerazzjoni għas-sigħat żejda li ħadmu fl-extra duties, wara li f’Marzu li għadda, ġie mġedded il-ftehim li kien ġie ffirmat tliet snin ilu, b’żieda ta’ benefiċċji u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.
Fil-fatt, xahrejn ilu ġie mġedded ftehim ta’ żewġ miljun ewro oħra fuq sentejn, biex ikun assigurat li kull ħaddiem mill-gradd ta’ Maġġur sa Gunner, ikun ikkumpensat b’mod finanzjarju għas-sigħat maħduma wara l-erbgħin siegħa, apparti żidiet f’benefiċċji oħra.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, il-Brigadier Clinton O’Neill, spjegalna aktar fiex se jissarraf dan l-investiment dirett fil-ħaddiema.
“Aħna m’għandniex ġimgħa ta’ erbgħin siegħa, però suldati normali, apparti dawk li jaħdmu ħinijiet differenti, jaħdmu tmienja u erbgħin siegħa, allura kien hemm aġġustament biex jitħallsu ta’ dak l-ammont żejjed ta’ sigħat li jiġu akkumulati. F’sena sħiħa jiġu ħafna sigħat, mhux just tmien sigħat differenza f’ġimgħa.”
Il-Brigadier innota li filwaqt li qed jissaħħaħ l-investiment fir-riżors uman, għaddej ukoll investiment ieħor fl-apparat li jintuża mis-suldati u l-bini tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Semma l-akbar investiment li qatt sar fil-Forzi Armati ta’ Malta fl-aħħar ġimgħat, il-bastiment P71, li se jagħti kapaċitajiet ġodda u aħjar lis-suldati.
Semma wkoll investimenti oħra li qed isiru fil-frattemp.
“Bħalissa għandna proġett li kważi daqt lest, li huwa l-Joint Operations Centre f’Ħal Luqa li meta jitlesta jkun state of the art, ikollna kollox integrat f’post wieħed. Għandna l-investiment fuq l-ajruplani, għandna l-investiment fuq il-ħelikopters, fuq vetturi, jiġifieri huwa investiment kontinwu.”
Intant, ix-xogħol fl-armata kien diskuss waqt il-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio.
F’kollegament telefoniku, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri fakkar kif dan il-Gvern qatt ma żamm lura milli jinvesti fil-korpi dixxiplinati.
Huwa semma l-prinċipju fundamentali tal-Gvern Laburista, li jinvesti fil-ħaddiem, u nnota kif kull darba li ħaddieħor attakka lis-suldati, dawn dejjem sabu lill-Gvern bħala spalla.
“Hemm verament persuni tal-istat u hija ħasra li kull meta xi ħadd li għandu aġenda partikolari jagħmel xi tip ta’ allegazzjoni fil-konfront tagħhom, ikun hemm min jippreferi jemmen lil min għandu dawk l-interessi minflok jara mqar li jisma’ l-verżjoni tagħhom u allura bħala Gvern, dik mhux se nippermettuha u ħa nagħtuhom is-serħan il-moħħ li aħna ħa nibqgħu dawk li ħa nkunu spalla ta’ spalla magħhom f’kull ċirkostanza, sew fejn jidħlu kundizzjonijiet, sew fejn jidħlu drittijiet, investimenti ġodda u anki jekk ikunu attakkati b’mod inġust.”