Bħala Viċi-President tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, il-MPE Alex Agius Saliba mexxa diversi laqgħat li ġew organizzati bħala parti mill-Konferenza tal-Grupp fi Krakovja ġewwa l-Polonja, liema Konferenza trattat bosta temi u sfidi kurrenti li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-rispons u r-rwol tal-Grupp biex jinnewtralizza approċċi estremisti li mhumiex konformi mal-valuri tal-Unjoni Ewropea.
Din il-Konferenza kienet opportunita’ għal diskussjoni f’livell għoli b’parteċipazzjoni tat-tmexxija u tal-Membri tal-Grupp dwar il-politiki tal-Grupp fi sfond ta’ bidla li qed jesperjenza l-proġett ta’ integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, mhux l-anqas minħabba l-effetti tal-pandemija u l-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna, żewġ avvenimenti storiċi li ħallew impatt politiku, soċjali u ekonomiku bla preċedent fuq l-Ewropa.
Il-MPE Alex Agius Saliba hu fdat bil-koordinament tal-ħidma tal-Grupp f’setturi importanti fuq livell Ewropew, bħalma huma s-settur tal-industriji, l-innovazzjoni, żagħżagħ u l-qasam diġitali, u f’din il-kapaċità, mexxa għadd ta’ laqgħat fejn ġew diskussi l-pożizzjonijiet tal-Grupp u l-mod li bih il-politika li jħaddan trid tibqa’ tindirizza l-bżonnijiet tas-soċjetajiet tal-Istati Membri.
Matul din il-Konferenza, il-MPE Laburista tkellem fuq kif Malta hija ta’ eżempju għall-bqija tal-Gvernijiet Ewropej fit-twettieq tal-ġustizzja soċjali. Huwa saħaq li l-Gvernijiet Soċjalisti madwar l-Unjoni Ewropea jridu jkunu aktar konxji tal-ħtiġijiet ta’ pajjiżhom sabiex jassiguraw li jaqdu l-funzjoni tagħhom.
“Irridu nieħdu l-eżempju ta’ Malta u ngħinu lill-familji tagħna b’sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija. Irridu ngħinu bħalma qed jagħmel il-Gvern Malti billi nkomplu nsaħħu l-pensjonijiet, nibnu aktar akkomodazzjoni soċjali u nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema tagħna. Bħala soċjalisti dawn għandhom jibqgħu l-prijoritajiet ewlenin tagħna. Jekk dan ma jsirx, inutli li noqogħdu nibku meta ħaddieħor iressaq lejh elettorat li tradizzjonalment dejjem afda lill-Partiti Soċjalisti sabiex imexxuh.” Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal il-MPE Alex Agius Saliba waqt il-Konferenza.