Żewġ irġiel tilfu ħajjithom wara inċident bil-mutur fil-Mosta.
Il-każ seħħ dalgħodu għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħodu fi Triq ta’ Żejfa, il-Mosta.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn Smart Fortwo, misjuqa minn raġel ta’ 41 sena residenti l-Mellieħa, u mutur Yamaha Crypton, li fuqu kien hemm żewġt irġiel Pakistani ta’ 41 u 33 sena, it-tnejn jgħixu f’San Pawl il-Baħar.
Fuq il-post intalbet l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku b’ambulanza, immexxi mit-tabib tal-emerġenza Dr Michael Spiteri, fejn sfortunatament, il-Pakistani ta’ 33 sena ġie iċċertifikat mejjet fuq il-post u ż-żewġt irġiel l-oħra ttieħdu l-isptar b’ambulanza għall-kura meħtieġa.
Sfortunatament, wieħed mill-vittmi ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.
Aktar tard, il-Pakistani l-ieħor ukoll tilef ħajtu minħabba l-ġrieħi li ġarrab filwaqt li l-kundizzjoni tar-raġel l-ieħor għadha pendenti.
Is-sewwieq tal-karozza weġġa’ ħafif.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.