L-Iklin, il-Marsa u Ħaż-Żabbar iffirmaw ftehim mal-Awtorità tal-Ippjanar biex tliet proġetti jingħataw il-fondi. Huma proġetti marbuta mat-tisbih ta’ dawn il-lokalitajiet, u b’kollox se jkunu allokati aktar minn €82,000.
Fl-Iklin se jsir xogħol fi Triq il-Wied u l-madwar. Se jkun xogħol li jiswa €43,000 u li jinkludi l-infrastruttura tat-triq u s-sistema tal-ilma, u sinjali ġodda tat-traffiku.
F’Ħaż-Żabbar, €33,000 se jintużaw biex jitranġaw il-latrini li hemm fi Ġnien il-Kunsill.
Fil-Marsa se jsir xogħol ta’ €7,000 fit-taraġ pubbliku li jwassal minn Triq Diċembru Tlettax sa Triq San Tumas.
Ix-xogħol mistenni jitlesta fi żmien tliet xhur.