Spazju miftuħ ta’ madwar 3,000 metru kwadru se jiġi rritornat lill-komunità ta’ Bormla biex isir pulmun ta’ siġar u pjanti f’din il-lokalità.
Din l-art, li kienet se tiġi żviluppata f’dormitorju mill-American University of Malta (AUM) u li preżentament qed tintuża bħala parkeġġ, se tingħata lura lin-nies fi spazju miftuħ pubbliku aċċessibli għal kulħadd.
Malli jitlesta x-xogħol, dan l-ispazju pubbliku se joffri diversi faċiltajiet fosthom parti għall-pikniks, u spazju għall-parkour, bandli, gym fuq barra.
Il-parkeġġ li se jibnena taħt l-art se jkollu spazju għal madwar mitejn u għoxrin 220 karozza, żieda sostanzjali meta mqabbel mal-ispazji ta’ parkeġġ li hemm bħalissa.
L-aġenzija Project Green iddiskutiet il-faċilitajiet u l-elementi differenti ta’ dan l-ispazju miftuħ mal-komunità tal-inħawi waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret il-Ħamis filgħaxija. Għal din il-laqgħa attendew diversi residenti, sidien ta’ negozji, persuni oħra marbuta ma’ din iż-żona. Il-laqgħa saret b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.
L-aġenzija Project Green qed tiddisinja l-ġnien il-ġdid b’tali mod li jinkorpora mhux biss il-bżonnijiet tan-nies li joqogħdu fil-madwar iżda anki jikkumplimenta u jirrispetta l-istorja u l-karatteristiċi tal-post. Qabel l-Ewwel Gwerra Dinjija, dan l-ispazju kien jintuża bħala suq tal-pitkali u kien mdawwar bl-arkati. Fil-proġett li qed jiġi propost, id-disinn se jkun qed jinkorpora dawn l-arkati biex ikompli jagħti l-ħajja mil-ġdid lill-istorja ta’ Bormla.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, spjega kif 10,000 persuna fil-Kottonera li joqogħdu inqas minn għaxar minuti ‘l bogħod bil-mixi mis-sit tal-proġett se jibbenefikaw minn dan l-ispazju miftuħ ġdid. Saħaq li dan il-proġett qed jagħti dimensjoni addizzjonali lill-istorja rikka ta’ Bormla hekk kif qed ifakkar l-istorja ta’ din il-lokalita li maż-żmien intesiet.
“F’Bormla bdejna mill-ewwel b’konsultazzjoni pubblika dwar proġett li huwa importanti ħafna; proġett ta’ spazju miftuħ ta’ mhux inqas minn tlett elef metru kwadru; tliet tomniet ta’ spazju miftuħ f’Bormla, fil-qalba tal-Kottonera. Miegħu dan l-ispazju miftuħ qed naħsbu li jkollna aktar parkeġġi għar-residenti u għal kull min jiġi f’dawn l-inħawi.”
Waqt din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni, ir-residenti ppreżentaw diversi ideat lit-tim ta’ Project Green, li wieġbu l-mistoqsijiet u spjegaw il-ħidma li se tkun qed issir biex jitlesta l-proġett.
“Apprezzajna ħafna d-diskussjoni man-nies u l-ideat tan-nies, il-ħsibijiet tagħhom dwar dak li huma jridu f’dan il-proġett, li se jkun il-proġett tagħhom.”
Intant, Project Green se tkompli tikkonsulta ma’ aktar entitajiet interessati qabel ma tiffinalizza d-disinn finali u tissottometih lill-awtoritajiet kompetenti.