Intlaqa’ tajjeb ferm min-nies il-Ġnien tal-Ħolm fi Pjazza San Ġorġ fil-belt kapitali Maltija. Din l-oasi ħadra saret bl-inizjattiva tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta bħala parti mill-attivitajiet tal-Valletta Green Festival.
Fil-fatt, dan il-ġnien tant kien għal qalb in-nies li żaruh, li tħabbar li se jkun qed jiġi estiż b’ġimgħa oħra, biex b’hekk il-Ġnien tal-Ħolm se jservi ta’ pulmun aħdar fiċ-ċentru tal-Belt sa jum l-omm.
ONE News mar fuq il-post, fejn tkellimna ma’ Melo Balzan, li organizzaw dan il-ġnien temporanju. Huwa spjega kif l-idea tal-ġnien nibtet.
“Dis-sena l-kunċett ta’, kif nafuha s-soltu, l-infjorata, il-VCA ħarġu bl-idea li xtaqu jagħmlu ġnien, u aħna ilqajna dik l-isfida. Iddisinjajna ġnien tipiku Mediterranju: il-pjanti kollha li hawn huma pjanti li kollha jgħixu f’pajjiżna, u wara dawn il-pjanti se jintużaw anke fi proġetti.”
Fl-istess jum meta tħabbret l-estensjoni ta’ dan il-ġnien, miċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, ONE News seta’ jifhem ir-raġuni wara din l-estenzjoni, hekk kif kważi kull persuna li tkellmet ma’ dan l-istazzjonkellha biss kliem ta’ tifħir għal din l-inizjattiva.