Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti kien fost il-mistiedna internazzjonali fejn irrappreżenta lil Malta għall-festival internazzjonali fit-Turkija, TEKNOFEST.
F’dan il-festival, maqsum fuq ħamest ijiem, diversi riċerkaturi u professjonisti kkompetew bejniethom biex joħolqu proġetti teknoloġiċi ġodda.
B’kollox ħadu sehem aktar minn 332,000 tim b’madwar 1,000,000 kompetitur differenti. Il-kompetizzjonijiet, li kienu jvarjaw b’102 kategorija differenti, kienu jinkludu s-setturi tat-teknoloġija, ix-xjenza u l-avjazzjoni. Il-festival kien jinkludi wkoll diversi attivitajiet oħra, fosthom workshops u esebizzjonijiet.
Waqt li kien qed jattendi għal dan il-festival, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru tal-Industrija u t-Teknoloġija tat-Turkija Mustafa Varank fejn iddiskutew ir-relazzjonijiet li Malta u t-Turkija jista’ jkollhom fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni, b’mod partikolari bħala pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza li Malta tkun parti mill-pajjiżi li jagħtu kontribut f’festivals internazzjonali ta’ dan it-tip. Kompla li grazzi għall-investiment li sar mill-gvern matul is-snin f’diversi setturi fejn jidħlu t-teknoloġija u x-xjenza, fost oħrajn, qed iħallu l-frott meħtieġ. “Bħala gvern qed noħolqu aktar kuntatti pożittivi ma’ pajjiżi differenti sabiex inkunu nistgħu nikkollaboraw dejjem aktar u noħolqu aktar niċeċ ta’ interess li kapaċi jkabbru l-ekonomija tal-pajjiż”.
Il-Ministru Tork Mustafa Varank qal li, “It-Turkija diġà għandha rabtiet tajba ma’ Malta, iżda nixtiequ li nżidu s-sinerġija li għandna bejnietna għaliex nemmen li hemm potenzjal kbir. Nixtiequ naraw aktar riċerkaturi Torok jibbenefikaw mill-istatus ġdid mogħti lil Malta mill-Aġenzija Spazjali Ewropeja (ESA) bħala pajjiż koperattiv.” Huwa stieden lis-segretarju parlamentari sabiex ikomplu d-diskussjonijiet bilaterali fir-riċerka u l-innovazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti ltaqa’ wkoll mal-President ta’ Tubitak, l-Aġenzija għar-Riċerka Xjentifika u Teknoloġika tat-Turkija, il-Prof. Hasan Mandal.