Illum se jibda dak li jissejjaħ proċess djoċesan għall-Beatifikazzjoni u l-Qdusija ta’ Fra Grazzja Gauci, mill-Ordni San Agostinjan. Il-Kunvent Santu Wistin tar-Rabat f’Għawdex se jiċċelebra l-ħajja sempliċi u qaddisa tiegħu.
Fra Grazzja Gauci, reliġjuż Agostinjan, twieled fl-Għarb u kien jismu Nazzarenu. Nhar is-16 ta’ Marzu 1930, irċieva l-abitu Agostinjan u l-isem ta’ reliġjuż ta’ Fra Grazzja fis-sagristija tal-Knisja ta’ San Mark, ir-Rabat Malta. Kien intbagħat iservi fl-Alġerija u dam hemm 42 sena sħaħ. Kien jagħmilha ta’ sagristan, kok, purtinar, u mitt ħaġa oħra.
Fra Grazzja qatta’ ħajtu fil-qadi u s-servizz lejn l-oħrajn u kien spiss deskritt bħala dejjem bi tbissima lesta fuq fommu. Huwa għamel l-aħħar snin ta’ ħajtu hawn Malta, u għex sakemm kellu 94 sena.
Biex għemilu jibqgħu mfakkra, se tiġi nawgurata pittura maħduma mill-artist żagħżugħ Għawdxi Manwel Farrugia. Se titnieda wkoll pubblikazzjoni tal-bijografija tiegħu, miġbura minn Eman Bonniċi.