Hospice Malta reċentement nediet l-inizjattiva annwali tagħha ta’ ġbir ta’ fondi tal-kampanja Sunflower għall-2023. L-organizzazzjoni qed tagħmel talba lill-pubbliku biex jgħin fil-ġbir ta’ fondi għall-NGO li tipprovdi servizzi ta’ kura palljattiva mingħajr ħlas.
Fl-2022, Hospice Malta appoġġat aktar minn 1,300 pazjent u l-maħbubin tagħhom, billi offriet pjanijiet ta’ kura personalizzati mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet uniċi ta’ kull individwu. Is-servizzi offruti minn Hospice jinkludu appoġġ mediku, psikoloġiku, soċjali u spiritwali fuq bażi kontinwa minn tim ta’ professjonisti multidixxiplinarji.
Fuljetti ta’ informazzjoni dwar il-kampanja u kif wieħed jista’ jikkontribwixxi qed jitqassmu lill-familji madwar Malta u Għawdex. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jikkontribwixxi u jappoġġja sabiex jagħmel differenza fil-ħajja ta’ bosta pazjenti u l-familji tagħhom.
Il-kontribuzzjonijiet li saru lil Hospice Malta se jippermettu lill-organizzazzjoni tkompli bil-ħidma kruċjali tagħha li tgħin lill-pazjenti u lill-maħbubin tagħhom bis servizzi ta’ kura paljattiva li Hospice Malta toffri. Dawn jinkludu servizzi bħal kura fid-dar, servizzi ta’ terapija ta’ matul il-jum, idroterapija, servizz ta’ faraġ, servizzi ta’ Care Assistant, self ta’ tagħmir speċjalizzat, servizzi ta’ After Hours On-Call, u trasport tal-pazjenti.
Barra minn hekk, id-donazzjonijiet se jgħinu fit-tlestija tal-kumpless il-ġdid St Michael Hospice, li mistenni jiftaħ iktar tard din is-sena. Is-servizzi huma kollha bla ħlas.
Żur is-sit www.hospicemalta.org għal aktar informazzjoni u biex tagħti d-donazzjoni onlajn.