Ir-Russja qalet li żewġ drones attakkaw il-Kremlin, f’Moska, f’dak li sejħitlu attentat ta’ qtil fuq il-President Vladimir Putin.
Jidher li fil-ħin tal-allegat attakk, Putin ma kienx fil-bini u ma saret l-ebda ħsara fuq dan il-bini.
Filmat mhux verifikat juri l-mument meta oġġett jidher itir lejn il-bini u jisplodi fl-ajru.
Min-naħa tagħha l-Ukrajna stqarret li ma kellhiex x’taqsam ma’ dan l-attakk. L-Ukrajna qalet li hija qed tiffoka fuq il-liberazzjoni tal-art Ukrena maħkuma mir-Russja.
L-awtoritajiet Russi sejħu dan l-attakk bid-drones bħala wieħed terroristiku, u qalu li r-Russja għandha kull dritt tirrispondi kif tixtieq.
Dan l-attakk ġie ftit jiem qabel Jum il-Vittorja fir-Russja, u analisti qed jinterpretaw dan l-inċident bħala mossa sabiex ir-Russja teskala l-aggressjoni tagħha fl-Ukrajna.