Hekk kif l-istaġun tas-sajf reġa’ magħna, l-ispettaklu annwali ‘Summer Lust’ se jirritorna fil-ground ta’ Ħal Għaxaq, li jinsab eżattament fiċ-ċentru tal-lokalità u se jkun maqsum fuq jumejn.
Għal sena oħra, artisti lokali u oħrajn ta’ fama internazzjonali se jipparteċipaw f’dan l-ispettaklu għall-gosti ta’ kulħadd, li se jsir b’għan filantropiku.
L-avveniment, li ilu jsir għal dawn l-aħħar 22 sena, huwa maqsum fuq jumejn: id-19 u l-20 ta’ Mejju.
Frank Zammit, membru tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq, tkellem ma’ One News dwar l-avveniment u dwar l-artisti li se jieħdu sehem.
Fid-19 ta’ Mejju, l-ispettaklu se jibda b’mużika tas-snin disgħin. Huwa ħabbar li fuq il-palk se jkun hemm personalitajiet barranin rinomati mis-snin disgħin, fosthom Dj Sash, Sonique Maria Nayler, u Kirsty Hawkshaw. Huma se jkunu akkumpanjati mill-artisti lokali DJs Ryan Spiteri u Tenishia.
Fl-20 ta’ Mejju, imbagħad, l-ispettaklu jkompli, din id-darba bi grupp li bosta qed jistennew bil-ħerqa li jisimgħuh.
“Se jkollna The Scandanavian Pink Floyd. Dan il-grupp, li diġà ġie Ħal Għaxaq 13-il sena ilu u li tant kiseb suċċess, bħala kunċert, bil mużika tal-Floyd.”
Il-festival se jkun b’xejn għal dawk kollha li jattendu, u se jkun hemm l-għażla li wieħed jagħti donazzjoni b’risq id-Dar tal-Providenza. Is-sena l-oħra nġabru kważi ħamsa u tletin elf ewro għall-ALSMalta.
“Għalina dan ifisser ħafna għaliex huma opportunitajiet biex aħna niġbru l-fondi meħtieġa ħalli nkomplu noffru l-aqwa servizzi residenzjali possibbli lill-mija u ħmistax-il persuna li jużaw is-servizzi tagħna.”
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Ministru responsabbli għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici. Huwa wiegħed li, bħalma l-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura ta s-sostenn tiegħu biex isir dan il-kunċert, il-Gvern se jkompli l-għajnuna mogħtija lill-għaqdiet fil-komunità sabiex ikompli jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kultura Maltija.
Il-Ministru kompla jispjega kemm huwa importatni li nagħtu spazju lill-artisti lokali fejn jużaw pjattaformi bħal dawn biex jesprimu t-talenti tagħhom, filwaqt li jiksbu esperjenzi ġodda ma’ artisti internazzjonali biex b’hekk ikomplu jimirħu t-talenti tagħhom.
Il-Ministru Bonnici tenn jgħid li bħala Gvern se tkompli l-għajnuna mogħtija lill-għaqdiet ħalli jkomplu joħorġu l-frott ta’ ħidmiethom.