Riżultat sabiħ għaċ-champion lokali tat-Triathlon Keith Galea hekk kif kien qed jieħu sehem fit-Trinacria 70.3 Half Iron-Man f’Marina di Ragusa fi Sqallija.
It-triatleta ta’ Birkirkara St. Joseph Sports Club spiċċa fir-raba’ post minn 149 parteċipant fil-klassifika ġenerali b’ħin 4 sigħat 21 minuta u 50 sekonda. Huwa kien ukoll l-ewwel fil-kategorija tiegħu u l-ewwel mill-maltin.
Keith Galea għamel l-għawma ta’ 1.9 kilometri f’ħin ta’ 26 minuta u 51 sekonda u spiċċa fit-tielet pożizzjoni.
Kien imiss ir-rota fuq distanza ta’ 90 kilometru. Hawnhekk Galea temm fit-tieni post f’ħin ta’ sagħtejn 24 minuta u 38 sekonda.
Finalment fil-ġirja ta’ 21 kilometru, it-triatleta malti kellu ħin ta’ siegħa 30 minuta u 22 sekonda.
Il-kompetizzjoni intrebħet minn Antonio Limoli ta’ Multisport Catania. Huwa kien segwiet minn Massimiliano Sardo u Fabio Sirugo, it-tnejn ta’ Siracusa Triathlon.