F’Pembroke u f’Ħal Far ġew installati żewġ magni ġodda tal-BCRS għall-fliexken tal-plastik, hekk kif BCRS Malta investiet żewġ miljuni u nofs ewro oħra f’għaxar magni ġodda biex tilqa’ għaż-żmien bieżel tas-sajf.
Quddiem waħda minn dawn il-magni l-ġodda f’Ħal Far, il-Kap Eżekuttiv ta’ BCRS Malta, Edward Chetcuti spjega kif il-magni ‘jumbo’ huma differenti mill-magni li ġew installati sa issa.
Qal, “Id-differenza mill-oħrajn hija li wieħed jista’ jitfa’ numru ta’ kontenituri f’daqqa flok wieħed wieħed. Ma jfissirx li ħa tgħaġġel iktar. It-time to process huwa more or less l-istess però l-magna qed tagħmel iktar xogħol u tesa’ sa disat elef kontenitur.”
Il-magni l-ġodda se jkunu qed joperaw mis-sitta ta’ filgħodu sal-għaxra ta’ bil-lejl, u ħdejhom dejjem se jkun hemm persuna tal-BCRS biex tappoġġja lill-konsumatur dwar kif għandu juża dawn il-magni l-ġodda.
Maġenb kull magna ‘jumbo’ se jkun hemm magni miż-żgħar li fihom wieħed jista’ jirriċikla l-ħġieġ u l-laned.
Qal, “Diġà għandna tnejn installati, ħa jkomplu jiġu nstallati mill-aħħar ta’ Mejju għax bħalissa qed nipproċessaw il-permessi mal-awtoritajiet u dan iż-żmien huwa tajjeb li nżidu l-flotta għax huwa żmien ta’ preparament għas-sajf fejn qed nistennew li jkun hemm konsum ta’ kontenituri tax-xorb ħafna akbar.”
F’ħames xhur kemm ilha li bdiet titħaddem din is-sistema, inġabru aktar minn sittin miljun kontenitur tax-xorb b’aktar minn elfejn u ħames mitt tunnellata ta’ plastik, ħġieġ jew metall.
Fil-frattemp qed jinġabru man-nofs miljun kontenitur kuljum; li turi bidla fil-mentalità tal-poplu meta wieħed jikkunsidra li storikament, pajjiżna kien jirriċikla inqas minn għoxrin fil-mija tal-kontenituri tax-xorb, u issa dan in-numru tela’ għal sebgħin fil-mija.
Qal, “Kuntenti ħafna b’dis-sistema u BCRS kommessa li tkompli dejjem ittejjeb l-aċċess u dan l-investiment ġdid huwa testment ta’ dik il-ħidma.”
Tul ix-xhur li ġejjin, BCRS Malta se tinstalla tmienja u għoxrin magna ġdida oħra, biex it-total ta’ magni f’Malta u f’Għawdex, se jilħaq it-tliet mija u tmienja u erbgħin.