L-Infrastructure Malta qiegħda fil-fażi finali tax-xogħlijiet biex jinbnew mill-ġdid il-breakwater l-antik u l-mollijiet fin-naħa ta’ ġewwa tal-bajja ta’ Wied il-Għajn. Dan huwa parti minn proġett ta’ madwar €1.9 miljun.
Il-pedamenti tal-mollijiet ma kinux baqgħu b’saħħithom minħabba għexieren ta’ snin li matulhom ittieklu mill-baħar u I-wiċċ tal-konkos spiċċa maqsum u mħaffer. Għaldaqstant, l-Infrastructure Malta reġgħet bniet dawn il-mollijiet b’disinn ġdid u aktar sigur, inkluż ħajt li jilqa’ kontra l-mewġ biex jipproteġi kemm lil dawk li jkunu qed jimxu kif ukoll il-binjiet ta’ faċċata.
Il-Perit Janice Borg, li hija l-Kap tal-Maritime Unit, tkellmet dwar l-andament tax-xogħol.
“Wasalna fl-aħħar xogħlijiet f’din iż-żona ta’ Marsascala. Ilna għall-aħħar xhur naħdmu u bnejna mill-ġdid il-mollijiet, li kellhom ħsara estensiva. Kissirna wkoll il-breakwater u nbena mill-ġdid. Bħalissa x-xogħlijiet telgħu ’l fuq mill-ilma u qegħdin fl-istadju fejn qed isiru l-piling works biex norbtu l-istruttura l-ġdida mal-blat.”
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, żar il-lant tax-xogħol flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Infrastructure Malta, Ivan Falzon.
Il-Ministru Farrugia qal li dan l-intervent jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 140 metru ta’ moll tul Triq San Ġorġ, qrib il-Knisja Parrokkjali ta’ Wied il-Għajn. Dawn il-mollijiet huma popolari fost ir-residenti ta’ Wied il-Għajn u dawk li jiffrekwentaw din iż-żona għall-għawm u għal mixjiet mal-baħar.