Fil-play-off għal min kellu jtemm fir-raba’ post tal-Kampjonat Premier, Balzan għelbu lil Hibernians bl-iskor ta’ 3-2, wara l-ħin barrani, biex b’hekk se jkunu huma li matul is-sajf li ġej jilagħbu fil-UEFA Conference League.
Din kienet l-aħħar logħba għal Andrei Agius wara karriera illustri hekk kif mistenni jkompli bil-karrirra tal-coaching u fil-fatt qabel il-partita ġie ppreżentat bi flokk kommemorattiv mill-President tal-Pawlisti, Ranier Bezzina.
Kienu Balzan li ħarġu fuq l-offensiva u fl-10 minuta Alex Satariano kellu xutt fil-baxx minn pożiżzzjoni ideali li għadda ftit barra.
Hibernians wieġbu żewġ minuti biss wara meta Zachary Grech xeħet cross insidjuż għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxileu jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Fil-45 minuta, eżattament qabel l-ewwel taqsima, Balzan fetħu l-iskor meta minn corner ta’ Aleksa Andrejic, Alex Satariano bir-ras għadda tajjeb lejn MATHEUS DE SOUSA NOGUREIRA li b’daqqa ta’ ras oħra tefa’ ġewwa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan komplew bl-istess ritmu ta’ tmiem l-ewwel waħda u fis-57 minuta, Delvin Chanel Ndinga għadda tajjeb lejn Angel Torres li qabeż avversarju iżda kellu x-xutt tiegħu salvat tajjeb mill-goalkeeper ta’ Hibernians, Ibrahim Kone.
Huma komplew fuq l-offensiva u fil-65 minuta, Alex Sataraiano, spara xutt fil-baxx minn ġol-kaxxa li iżda ħabat max-xibka minn barra biex ta l-illużjoni tal-goal.
Mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch minuta biss wara, Hibernians, ġabu l-iskor indaqs meta f’azzjoni bejn is-sostituti, Thaylor Aldama xeħet cross lejn DUNSTAN VELLA li antiċipa lil Nikola Braunovic li minn quddiem il-goalkeeper żagħżugħ ta’ Balzan, Rudy Briffa, ħasad lid-difiża tal-istess team li dehret pjuttost statika, u tefa’ ġewwa.
Iżda fl-74 minuta, Balzan, rebħu penalty meta Ibrahim Kone waqqa’ lis-sostitut Bojan Kaljevic fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu l-istess Bojan Kaljevic li ra lil istess Kone isalva tajjeb minn mal-art.
Dan sabiex erba’ minuti wara, Balzan appellaw għall-penalty ieħor meta Angel Torres deher jitwaqqa’ minn Kurt Shaw fil-kaxxa, iżda r-referee Ishmael Barbara ħalla l-logħob għaddej fost il-protesti tal-players, partitarji u diriġenti ta’ Balzan.
Fit-82 minuta, Angel Torres, li kellu partita mill-aqwa għal Balzan, avvanza tajjeb fil-kaxxa iżda Kone ħareġ barra minn postu biex interċetta kull periklu.
Ħames minuti wara Hibernians tilfu ċans tad-deheb li jaqilbu l-iskor favurihom meta Joao Oliveira għadda tajjeb lejn Jurgen Degabriele li minn pożizzjoni ferm ideali tefa’ għoli.
Iżda kienu Balzan li sabu x-xibka minuta biss wara meta ANGEL TORRES temm ġirja tajba permezz ta’ xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa li ntemm fir-rokna tax-xibka.
Madankollu, id-drama kienet għadha ma ntemmitx hawn hekk kif fid-90 minuta, Hibernians ġabu l-iskor indaqs meta Jake Grech xeħet cross lejn Ferdinando Apap li niżżel il-ballun lejn JURGEN DEGABRIELE li minn quddiem Rudy Briffa tefa’ ġewwa.
L-iskor sa tmiem il-ħin regolamantari baqa’ ma nbidilx, u b’hekk il-partita kellha tmur għall-ħin barrani.
U lanqas kienet għaddiet minuta mill-ftuħ tal-ħin barrani meta Balzan skorjaw il-goal tar-rebħa hekk kif BOGDAN MLADENOVIC kellu x-xutt angulat tiegħu minn ġol-kaxxa li qabeż il-linja fatali bi ftit, bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-wieqfa qabel intemm ġewwa.
Hibernians wieġbu tliet minuti wara meta Thaylor Aldama xeħet cross lejn Joao Oliveira li minn taħt il-lasta tefa’ inkredibbilment barra.
Huma komplew jippressaw u fid-99 minuta, Ferdinando Apap, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu wara li rċieva minn corner, salvata f’corner b’mod spettakolari minn Rudy Briffa.
Żewġ minuti wara, Hibernians spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom id-difensur Kurt Shaw permezz ta’ karta ħamra diretta wara li waqqa’ lil Angel Torres li deher destinat li jkompli javvanza lejn il-lasti avversarji.
Balzan komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Ishmael Barbara
Player tal-Logħba: Angel Torres (Balzan)