Is-smewwiet fuq il-Port il-Kbir servew ta’ tila li fuqha tpinġew l-ilwien ta’ spettaklu mill-aqwa tal-logħob tan-nar hekk kif ġew fi tmiemhom bi grand finale għaxart ijiem tal-Malta International Fireworks Festival.
Mijiet kienu dawk li nġabru x-Xatt tal-Belt u nħawi oħrajn madwar il-port pittoresk biex gawdew ix-xogħol artistiku brillanti ta’ għaqdiet u kumpaniji differenti tal-piroteknika minn bnadi differenti tad-dinja.
Ilbieraħ tħabbru wkoll ir-rebbieħa ta’ dan il-Festival. Fl-ewwel post ġiet l-Għaqda tan-Nar Marija Bambina tal-Mellieħa, fit-tieni post ġiet Nakaja Art mill-Polonja, u fit-tielet post ġie kklassifikat Pyro-Team mis-Serbja. L-Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar ta’ Birżebbuġa rebħet il-kategorija tal-Aqwa Prodott.
Il-Festival, li issa sar appuntament mistenni minn eluf kul sena, ġie organizzat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.