Mara li tat daqqa ta’ taġen lill-eks sieħeb tagħha inħelset minn kull akkuża wara li l-Qorti kienet tal-fehma li l-mara aġixxiet biex tipproteġi lilha nnfisha.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit semgħet kif f’ lejla f’Ottubru tal-2013, ta’ erba’ snin ilu, inqalgħet ġlieda bejn l-eks maħbubin f’ darhom fir-Rabat.
Skont il-verżjoni tal-mara, li l-qorti ikkunsidrat li kienet l-iktar waħda kredibbli, ir-raġel, li kien għadu jorqod id-dar għax tħassritu l-mara, qabad jgħajjar lil mara li kienet qed toħroġ ma’ irġiel oħra u attakkaha waqt li kienet fis-sodda. Allegatament ir-raġel qabad lill-eks sieħba tiegħu minn xagħarha u kaxkara t-taraġ.
Il-Mara rrakkuntat kif b’ disprament, biex tipproteġi ruħha, qabdet taġen mill-kċina u fajjritlu daqqa f’ rasu.
Fid-dawl li l-uniku xhieda tal-inċident kienu l-koppja stess, u li l-mara provdiet ritratti ta’ tbenġil u qtugħ f’ diversi partijiet ta’ ġisimha, il-qorti ddeċidiet li l-każ kien wieħed ta’ difiża leġittima għar-rabja u l-għira li wera r-raġel bi vjolenza.