Individwi u entitajiet involuti fis-settur tal-kostruzzjoni, li kellhom laqgħat fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi, ħassewhom urtati wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, stqarr fil-Parlament li ma kellux għalfejn jieħu sehem f’din l-istess konsultazzjoni pubblika.
Il-gazzetta KullĦadd ikkwotat li wieħed minn dawn, li tkellem bil-kundizzjoni tal-anonimità. Huwa qal: “Ħafna paroli li smajna, u mhux biss, fil-laqgħat magħhom (il-PN), biex imbagħad jiġu jgħidu li ma jħossux il-bżonn li jagħmlu xi proposti. U dmirhom dan! Jiddispjaċini, għalija kienet pudina sħiħa minn Bernard Grech u l-Oppożizzjoni.”
Uħud mir-rappreżentanti ta’ dawn l-għaqdiet issejħu fid-Dar Ċentrali fl-aħħar jiem biex il-Partit Nazzjonalista jitkellem magħhom proprju dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Liċenzja għall-Kuntratturi li jaħdmu fl-oqsma tat-twaqqigħ, l-iskavar, u l-bini.
Madankollu, meta għalaq iż-żmien tal-konsultazzjoni pubblika fil-21 ta’ April, il-PN ma kienx hemm ħossu. Din il-konsultazzjoni pubblika rat parteċipazzjoni qawwija mill-operaturi fil-kostruzzjoni u mill-korpi kostitwiti, kif ukoll mill-Partit Laburista u mill-ADPD.
Sa mill-bidu nett tal-konsultazzjoni pubblika, permezz tal-Kelliem Ewlieni tiegħu għall-Ippjanar, Stanley Zammit, il-PN kien ta l-impressjoni li kien se jieħu sehem fil-proċess u ddikjara li hu favur li jsiru r-riformi.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara li fetħet il-konsultazzjoni pubblika, Zammit ġie mistoqsi dwar is-suġ¬ġett u dwar għaliex il-PN kien għadu ma ressaq l-ebda proposta wara ġimgħa. Dakinhar huwa wieġeb li kien fadal iż-żmien biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom.
Minbarra hekk, id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri kixef li dan is-suġġett ġie ttrattat fil-livell tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista. Minkejja dan, meta għalaq iż-żmien sa meta kulħadd seta’ jagħti l-veduti tiegħu, il-PN ma kien ressaq l-ebda proposta.
Sussegwentement, nhar it-Tnejn fil-Parlament il-Kap tal-Oppożizzjoni ddikjara li hu ma kellux għalfejn jikkonsulta dwar dan l-avviż legali. Din l-istqarrija xejn ma niżlet tajjeb mar-rappreżentanti tal-għaqdiet li qagħdu jattendu għad-diskussjonijiet fid-Dar Ċentrali. Dawn urew dubji serji dwar kemm il-fehmiet li ressqu fuq is-suġġett ġew, fil-fatt, ikkunsidrati mill-PN.
Biex tgħaxxaqha, id-deputat Toni Bezzina mera s-sewwa magħruf u ddikjara ma’ ONE News li l-Oppożizzjoni kienet, fil-fatt, ressqet il-proposti tagħha.
Dak li stqarr il-Kap Nazzjonalista stona wkoll mal-atteġġjament differenti li ħa l-PN f’konsultazzjonijiet pubbliċi oħrajn reċentment, inkluż minn entitajiet taħt l-istess Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar. Fost dawn kien hemm il-konsultazzjoni dwar ir-reviżjoni tal-iskema tar-regolarizzazzjoni mnedija mill-Awtorità tal-Ippjanar u dik dwar il-project supervisors fi proġetti tal-kostruzzjoni tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (l-OHSA). F’dawn it-tnejn il-PN għamel sottomissjonijiet.
Għaldaqstant, għal liġi iżjed importanti bħalma hi dik tar-regolarizzazzjoni tal-kuntratturi fil-qasam tal-konstruzzjoni, l-Oppożizzjoni reġgħet uriet li mhix kredibbli meta tgħid li trid il-bidliet fil-qasam, iżda mbagħad tirrifjuta li tkun parti mill-proċess.
Għal darb’oħra ħareġ ċar li bejn il-kliem tal-PN u r-realtà hemm baħar jaqsam.