Malta se tkun qed tospita l-edizzjoni li jmiss tal-EU Startups Summit.
Ħabbar dan il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia waqt li kien qed jindirizza is-Summit ta’ din is-sena f’Barċelona.
L-edizzjoni tas-sena d-dieħla se tkun qed tittella’ bejn id-9 u l-10 ta’ Mejju.
F’Barcelona attendew mal-elfejn fundatur u investituri fost oħrajn sabiex jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ networking fost oħrajn.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia tenna s-sodisfazzjon tiegħu li Malta rnexxiela tattira dan is-summit prestiġġjuż. Dan anke fid-dawl li l-Malta Enterprise hija inkarigata milli tkompli tattira investiment dirett barrani f’pajjiżna.
Minn naħa tagħha l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam Miriam Dalli, sostniet li din l-aħbar tkompli tikkonferma l-pożizzjoni ta’ Malta bħala leader fil-qasam tal-istartups.
Hija spjegat li, “Xhieda ta’ dan huwa l-EU Startups Summit li se jsir propju f’pajjiżna s-sena d-dieħla, b’tali mod li jirnexxielu jattira u jġib lejn pajjiżna numru ta’ investituri internazzjonali, numru ta’ esperti differenti fejn jidħlu l-istartups biex inkompli nsaħħu l-ekosistema lokali ħalli jirnexxielna nattiraw aktar startups sew lokali u anke internazzjonali”.