Tliet studenti mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenża u t-Teknoloġija, l-MCAST, li jsegwu korsijiet ta’ studju kreattiv, ġew ippremjati wara li rebħu kompetizzjoni b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm.
Dan hekk kif l-istudenti li jsegwu korsijiet ta’ kreattività ġew mħeġġa biex jipparteċipaw f’kompetizzjoni li kienet tinvolvi l-ħolqien ta’ kampanja ta’ għarfien immirata biex tħeġġeġ aktar żgħażagħ jagħtu d-demm.
Iċ-Chairperson taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Għoti tad-Demm, Dr Monique Debattista, spjegat ma’ ONE News dwar l-għan wara din l-inizjattiva.
Hawn Dr. Debattista spjegat li, “Tlaqna mill-punt li aħna dejjem nippruvaw nattiraw aktar donazzjonijiet tad-demm mingħand Iż-żgħażagħ. Kollaborazzjoni mal-MCAST kienet opportunità tad-deheb hekk kif permezz ta’ din l-inizjattiva, iż-żgħażagħ setgħu jesprimu ruħhom fejn jidħol l-arti u d-disinn f’għan ta’ kampanja għad-donazzjoni tad-demm. ”
Kienu madwar sittin student li ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni, fejn minnhom intgħażlu l-aqwa tnax-il preżentazzjoni u fosthom intgħażlu tliet rebbieħa.
Il-preżentazzjonijiet saru b’reqqa kbira u dedikazzjoni b’bosta mill-istudenti ħarġu l-kreattività tagħhom filwaqt li għamlu użu mill-informazzjoni li kisbu matul it-tagħlim li ngħataw.
Tkellimna ma’ Suliah Olanrewaju, studenta li kisbet l-ewwel post f’din il-kompetizzjoni fejn esprimiet ix-xewqa li jkun hemm aktar opportunitajiet bħal dawn.
Hawn Olanrewaju qalet li, “Nixtieq ħafna li jkun hemm aktar opportunitajiet bħal dawn hekk kif verament ħadt gost nieħu sehem fiha.”