Bħalissa tinsab għaddejja l-ewwel edizzjoni ta’ ‘il-Festa tal-Festi’ fil-Palazz Verdala, b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Waqt it-tnedija ta’ dan l-avveniment, liema tnedija saret aktar kmieni dan ix-xahar, il-President ta’ Malta, George Vella ddeskriva din l-attivitá bħala waħda mnebbħa mill-festa tradizzjonali Maltija u l-ħtieġa li ngħożżu l-kultura Maltija li tagħmilna uniċi, hekk kif din l-attività għandha sservi ta’ introduzzjoni għall-istaġun ferm mistenni tal-festi.
Meta beda dan l-avveniment fit-tmienja u għoxrin ta’ April, saret l-ikla tradizzjonali Maltija fil-preżenza ta’ numru ta’ komiċi u kantanti Maltin, filwaqt li s-Sibt hija l-ġurnata ddedikata għal kunċert mill-grupp ‘The Travellers’.
John Huber, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dan l-avveniment jiċċelebra parti essenzjali mill-kultura Maltija.
Apparti minn hekk, huwa għaraf ukoll l-iskop nobbli ta’ din l-ewwel edizzjoni tal-Festa tal-Festi.
Hawn iċ-Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi tal-MCF spjega li, “Se jservi wkoll biex jinġabru lflus għall-Community Chest Fund. Dan iż-żmien, ‘lil hinn mill-Istrina, it-talbiet jibqgħu deħlin, allura ħsibna f’din l-okkażjoni fejn aħna jkollna kunċett tant marbut ma’ qalb il-Maltin, peró fl-istess ħin, aħna nkunu nistgħu inkomplu nilqgħu l-applikazzjonijiet ta’ nies li tant għandhom bżonn fi żmien fejn mhu qed jinġabar xejn għall-Community Chest Fund.”
Fost dawk li attendew kien hemm Amber Damato u Ella Agius Silvio, żewġ studenti ċkejknin tar-raba sena fl-Iskola Primarja taż-Żurrieq li tkellmu dwar dak li tgħallmu f’din il-festa.
‘Il-Festa tal-Festi’ tiġi fi tmiemha l-Ħadd b’quddiesa u bil-marċ il-kbir bis-sehem ta’ diversi għaqdiet tal-banda u l-biljetti jistgħu jinkisbu mis-sit mccf.store.