Numru ta’ entitajiet privati issottomettew l-offerti tagħhom għar-rijabilitazzjoni tal-Evans Building, fil-parti t’isfel tal-Belt Valletta b’investiment minimu ta’ tlettax-il miljun ewro.
Is-sejħa għall-proposti għar-riġenerazzjoni tas-sit għalqet nhar il-Ġimgħa, u s-sejħa saret bl-għan li tikkonverti dan il-bini f’akkomodazzjoni turistika ewlenija, bħala parti mill-istrateġija ta’ rijabilitazzjoni tal-Malta Strategic Partnership Projects.
Din is-sejħa nfetħet f’Novembru tas-sena li għaddiet, u l-operaturi ntalbu jagħtu informazzjoni ddettaljata, minħabba li dan is-sit jeħtieġ attenzjoni ddettaljata.
Is-sejħa għall-proposti speċifikat li l-parti esterna tal-binja tinżamm, u minħabba il dan is-sit huwa rregolat mis‐St Elmo and Environs Development Brief 2011, u għalhekk jippermetti li jsir żvilupp.
Fost il-kundizzjonijiet tas-sejħa, l-operaturi riedu jagħmlu investiment inizjali ta’ tlettax-il miljun ewro, flimkien ma’ numru ta’ investimenti matul il-perjodu ta’ konċessjoni u programm ta’ responsabilità soċjali korporattiva.
Kundizzjoni oħra hija li tingħata ħarsa lejn ir-restawr ta’ strutturi taħt is-sit, li jinkludu l-Kappella tal-Għadam u t-Teatru Anatomiku.
Wara li l-proposta tintrebaħ, ir-rebbieħ se jiffirma ftehim ta’ konċessjoni u att għal ħamsa u sittin sena, li waqthom il-proġett irid jinżamm fl-aqwa livell, filwaqt li jikkontribwixxi bi dħul dirett għall-gvern.
Studji li saru dwar dan il-proġett juru li dan se jipprovdi kontribut ekonomiku f’valur miżjud u impjiegi ġodda. Apparti minn hekk, l-akkomodazzjoni għat-turisti mistennija tiġbed aktar turiżmu ta’ kwalità ogħla fil-belt kapitali, li tkompli toħloq aktar impjiegi.
Issa, l-proposti se jiġu evalwati minn kumitat magħmul minn uffiċjali pubbliċi ta’ karigi għolja u impjegati tas‐settur pubbliku.