Ir-raba’ żagħżugħ li tressaq il-Qorti nhar il-Ġimgħa b’rabta mar-rejd li seħħ il-ġimgħa l-oħra f’Ħaż-Żabbar ingħata l-ħelsien mill-arrest.
Sprejer ta’ 22 sena li jgħix fir-residenza fejn sar ir-rejd, wieġeb mhux ħati li kabbar il-pjanti tal-kannabis mhux għall-użu personali tiegħu. Huwa ġie mixli wkoll li fil-pussess tiegħu kellu raża tal-kannabis u kokaina.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-arresti u li bihom ġew arrestati tliet żgħżagħ oħra, saru b’riżultat ta’ operazzjoni konġunta bejn l-Iskwadra tad-Droga u uffiċjali tad-distrett ta’ Ħaż-Żabbar fil-21 ta’ April. Kompliet tgħid li waqt ir-rejd sabu 13-il pjanta tal-kannabis, 440 gramma ħaxix tal-kannabis, xi tmien grammi kokaina u tmien grammi raża tal-kannabis.
Waqt li r-raba’ żagħżugħ beda jiġi interrogat, ammetta li huwa s-sid tal-pjanti li nstabu fir-residenza però ma kellux x’jaqsam mal-bqija tal-oġġetti.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ ta’ €5,500, garanzija personali ta’ €14,500 u aktar kundizzjonijiet.