Madwar 3,200 student se jgawdu minn internet b’xejn għal sena permezz ta’ miżura tal-Gvern li għaliha qed isir investiment ta’ €1 miljun.
Din il-miżura se jgawdu minnha l-istudenti li huma eliġibbli għal stipendju u li jattendu l-iskejjel tal-Gvern, indipendenti u tal-knisja, kif ukoll il-Junior College u l-MCAST, li jkomplu immedjatament wara s-Sena 11 fl-istudji postsekondarji tagħhom.
Dan ħabbruh il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri f’konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-librerija l-ġdida tal-MCASR f’Raħal Ġdid.
Il-vawċers se jibdew jitqassmu b’mod elettroniku fil-bidu ta’ Mejju. Se jkunu jistgħu jissarrfu minn nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Mejju u huma validi sal 15 ta’ Awwissu li ġej.
Il-vawċer jista’ jissarraf għand wieħed mit-tliet fornituri ta’ servizzi tal-internet fil-gżejjer Maltin.
Din hija t-tielet sena konsekuttiva li fiha qed tittieħed din il-miżura ta’ appoġġ għal-istudenti. Il-Ministru Clifton Grima qal li matul dawn it-tliet snin, kienu disat elef u tmin mija (9,800) l-istudenti li bbenefikaw minn investiment totali ta’ 3 miljun ewro. Huwa qal li dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern li jinkoraġġixxi l-istudenti jkomplu bl-istudji postsekondarji tagħhom, filwaqt li jappoġġjahom fl-aktar mument delikat ta’ ħajjithom.
“Dan ifisser li qegħdin nibnu fuq dawk li huma diversi miżuri, fosthom żieda tal-istipendji, sabiex nassiguraw illi ż-żgħażagħ tagħna jkollhom dejjem aktar għodda li permezz tagħhom jilħqu l-iżvilupp sħiħ tagħhom fil-perkors edukattiv tagħhom”.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri saħaq li l-internet huwa għodda essenzjali u indispensabbli fl-istudju, u kien għalhekk li nħolqu miżuri għall-ġid taż-żgħażagħ minn dan l-aspett.
“Inwettqu Flimkien mhuwiex biss slogan imma mod kif jaħdem dan il-Gvern, b’ħidma ta’ diversi Ministeri ilkoll flimkien ma diversi entitajiet biex naraw kif din il-ħidma, l-għanijiet li rridu nilħqu, jintlaħqu”.
Ġenituri jew studenti li jixtiequ aktar informazzjoni dwar din il-miżura jistgħu jċemplu fuq in-numru 153.