Il-Gvern nieda White Paper għal konsultazzjoni pubblika dwar l-Att Ġdid dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, li għandha l-għan li fil-postijiet tax-xogħol ikun hemm aktar kultura favur is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
Dan tħabbar proprju fil-Jum Internazzjonali għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol mill-Ministru responsabbli mill-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi.
Din il-liġi l-ġdida se ssaħħaħ il-kultura tal-konformità billi jkun hemm deterrenti adegwat u rikors aktar mgħaġġel għall-ġustizzja.
Dan se jwassal biex ikun hemm ristrutturar tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, fejn permezz ta’ dan l-Att se jkun hemm Bord Governattiv, l-Eżekuttiv, u l-Kunsill.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Mark Gauci, qal li dan l-Att se jkun qiegħed jagħti strumenti amministrattivi lill-Eżekuttiv biex jirregola l-kwistjonijiet tal-Awtorità. Semma wkoll li se ssir riforma tas-sistema tal-pieni biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-Qrati. Se jitwaqqaf Tribunal Amministrattiv, u l-pieni li jagħti jistgħu jvarjaw minn €1,500 sa €20,000.
00:40 “Qed ikun propost illi jkun hemm tibdil fis-sistema tal-multi amministrattivi. Illum, meta persuna tirċievi multa amministrattiva mill-OHSA, l-uniku rimedju li jista’ jkollu huwa li jitla’ l-Qorti u qed tpoġġi ħafna pressure fuq il-Qrati u allura qed nipproponu li jkun hemm struttura ġdida, li huwa permezz ta’ tribunal, fejn reati ta’ natura żgħira jkunu jistgħu jinstemgħu mit-tribunali amministrattivi.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li se tingħata vuċi b’saħħitha lill-imsieħba soċjali biex ikun hemm parteċipazzjoni aktar attiva u biex din l-Awtorità tirreaġixxi aktar malajr għall-bidliet kontinwi fid-dinja tax-xogħol.
Semma li din il-White Paper inħarġet meta kien hemm żieda fil-ħaddiema u anki quddiem ir-realtà tal-fatt li f’pajjiżna hawn ħaddiema minn-nazzjonijiet differenti.
Sostna li se jkun hemm tisħiħ fl-infurzar u qal li fl-aħħar snin kien hemm żieda fl-ispezzjonijiet li għamlet din l-Awtorità. Bejn l-2017 u l-2022, fil-fatt, saru aktar minn 24,000 spezzjoni.
“Irridu, l-ewwel nett, inkomplu nagħtu aktar għodod lil din l-Awtorità biex insaħħu l-ħidma tagħha, għodod li jagħmluha awtorità aktar dejjem effiċjenti fl-infurzar tal-liġi, permezz ta’ għodod ġodda – imma, apparti minn hekk ,il-ħidma kollha li trid issir biex inkomplu nkattru kultura favur aktar saħħa u sigurtà fuq kull post tax-xogħol f’kull settur f’pajjiżna.”
Din il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’għaddejja sad-9 ta’ Ġunju u wieħed jista’ jaċċessaha mis-sit publicconsultation.gov.mt.