Starlites Basketball Club, taħt il-gwida tal-kowċ tagħhom Paul Ferrante huma ċ-Champions tal-BOV Basketball 1st Division League 2021/2022.
F’ripetizzjoni tal-finali tas-sena l-oħra li tintlagħab fuq bażi ta’ playoff fuq ħames logħbiet, Starlites għat-tieni sena konsekuttiva għelbu lil Mellieħa Libertas billi ma fallewx u rebħu s-serje 3-0 b’ rebħa ta 104-90 fl-ewwel logħba, 105-95 fit-tieni logħba u ssiġillaw il-kampjonat b’rebħa ta 113-91 fit-tielet logħba.
Stefan Abela, Manager CSR fi ħdan il-Bank of Valletta akkumpanjat minn Paul Sultana, President tal-Malta Basketball Association ippreżenta t-Tazza tal-Kampjonat BOV Basketball tal-Ewwel Divi’joni liċ-champions renjanti.
Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Captain ta’ Starlites Alec Felice Pace ġie vvutat bħala l-Most Valuable Player (MVP) tal-Playoffs tal-Finali u ġie ppreżentat bi trofew kommemorattiv għall-prestazzjoni eċċellenti tiegħu.
Il-kollaborazzjoni fit-tul tal-Bank mal-Malta Basketball Association, li tmur lura għas-snin tmeninijiet hija xhieda tal-impenn tal-Bank lejn il-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja attiva u b’saħħitha fil-gżejjer tagħna.
Intant il-Kampjonat Mapfre MSV Life tan-Nisa għadu indeċiż hekk kif il-Ħamis filgħaxija Starlites Fijo għelbu lil Caffe’ Moak Luxol 57 għal 52 fit-tielet finali tal-play offs.
B’hekk Starlites issa huma 2-1 minn fuq f’dawn il-play offs, bir-raba’ finali tintlagħab nhar il-Ħadd li ġej. Il-finali huma l-aqwa minn ħamsa.