“Inħossni kburi li ġġilidt għal pajjiżi”.
Kien dan il-kliem ta’ Emmanuel Bugeja, anzjan ta’ 87 sena, li f’żogħżitu, fis-snin ħamsin, kellu jiskonta sentenza ta’ priġunerija għax irribella kontra l-ħakma Ingliża.
“Jien kont Laburist aħrax ħafna. Imbagħad kulħadd beda jiġri. Konna morna Ħaż-Żabbar u Bormla, u l-Kottonera wkoll, bil-muturi. U għidna, ‘Issa nagħmlu xi ħaġa Birżebbuġa’.”
Bugeja rrakkontalna kif il-Prim Ministru Duminku Mintoff kien ħeġġiġhom biex jagħmlu strajk.
“Riedu jitilqu l-Ingliżi, riedu jnaqqsu l-baġit, il-flus li jagħtuh lill-Gvern. Għalhekk, imbagħad ,irvilla.”
Huwa qalilna li kienu bosta dawk li niżlu fit-toroq. Min ħaraq l-għases u min qata’ d-dawl.
“Għalqu t-toroq fejn kienu jgħaddu l-Ingliżi, fejn kellhom il-bażi l-Ingliżi.”
Ftit wara, uffiċjali tal-Gvern Ingliż kienu marru jarrestawh waqt li kien fuq il-post tax-xogħol, tant li tilef ukoll l-impjieg tiegħu.
“L-unjin iġġieldet li l-każ tiegħi mhux id-dockyard kien, barra. Imbagħad erġajt dħalt.”
Bugeja stqarr magħna li huwa minn dejjem kien ribelluż, karatteristika komuni fost il-ħaddiema tat-tarzna.
“Minn dejjem kont bniedem ribelluż, u kont id-dockyard, konna naħdmu hemm. U hemmhekk, id-dockyard, nies ribellużi, li jiġġieldu għall-pajjiż.”
Huwa rrakkonta kif, flimkien ma’ Albert Hyzler, Agatha Barbara, u bosta oħrajn, huwa kellu jiskonta sentenza l-ħabs.
“Xahrejn u nofs. Min weħel 3 xhur, min weħel xahar. Bħal Hyzler u Agatha Barbara: dawk weħlu xahar.”
Viżibbilment emozzjonat, huwa temm jgħid li, minkejja t-tbatijiet li għadda minnhom, meta jħares lura jħossu kburi li kien katalista biex Malta saret ħielsa..
“Inħossni li jien proud, li ġġilidt għal pajjiżi.”