Ftehim bejn il-Gvern u l-Malta Freeport Terminal se jwassal biex titwettaq l-ewwel espansjoni tat-terminal f’għoxrin sena. Dan l-iżvilupp se jkun ta’ benefiċċju wkoll għar-residenti ta’ Birżebbuġa.
Il-ftehim se jwassal biex, b’investiment ta’ iżjed minn €100 miljun, jiġi estiż il-moll tat-Tramuntana u dak tal-Punent f’Terminal Two, biex b’hekk jiżgura li l-faċilità tal-Port Ħieles tkun tiflaħ għall-vapuri tal-kontejners ġodda u futuri li jaħdmu bl-LNG, li t-tul tagħhom illum diġà jaqbeż l-erba’ grawnds tal-futbol.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ mill-Ministru responsabbli mill-Ekonomija u l-Artijiet, Silvio Schembri.
Il-Freeport se jċedi d-dritt li jkun hemm krejnijiet fuq il-moll tal-Punent f’Terminal One, li hija l-eqreb tar-residenti ta’ Birżebbbuġa. Dan filwaqt li dan il-ftehim se jwassal biex l-attività ta’ roll-on roll-off ma tkunx tista’ ssir bil-lejl, u b’hekk se jitnaqqas l-inkonvenjent għar-residenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Corporation, David Magro, ikkummenta li llum qed tinkiteb parti oħra mill-istorja tal-Port Ħieles. Qal li dan il-proġett se jkompli jkabbar lill-Port Ħieles, anki sabiex jkompli jgħin fit-tkabbir ekonomiku, waqt li huwa wkoll investiment soċjali. Dan hekk kif il-Freeport se tagħti kontribut addizzjonali ta’ €300,000 lill-komunità, bħala parti mill-impenn kontinwu tagħha lejn il-lokalità tal-madwar.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Freeport Terminals, Alex Montebello, qal li dan il-proġett jingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti li saru fl-aħħar snin, fosthom dawk b’rabta mal-enerġija u t-teknoloġija.
Dan l-investiment qed isir flimkien ma’ investiment ieħor: dak tax-shore to ship.
Sostna li dan il-proġett se jkun qed joħloq 160 impjieg ġdid u meta jitlesta, l-investiment fil-faċilità minn mindu ġiet privatizzata se jisboq l-€400 miljun.
Montebello sostna li l-Freeport huwa kkollegat ma’ 120 port ieħor madwar id-dinja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal li dan il-ftehim qed jilħaq bilanċ bejn aktar investiment u benefiċċji għar-residenti ta’ Birżebbuġa.