Permezz ta’ żewġ skemi, il-Gvern se jkun qed jindirizza aktar anomaliji u inġustizzji tal-imgħoddi ta’ madwar 4,600 persuna li bejniethom huma intitolati għal €8 miljun.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Politika Soċjali, Michael Falzon, tkellem dwar kif, għal darb’oħra, dan il-Gvern qed iwettaq dak li jwiegħed.
Huwa spjega li dan l-impenn beda fl-2017 u hu maħs ub għall-eks membri tal-korpi, eks ħaddiema tax-xatt, membri tal-korp tal-Pulizija, kif ukoll eks ħaddiema tal-Malta Electricity Board.
“Din is-sena se jsir il-ħlas imwiegħed. Qed nitkellmu fuq tmien miljun ewro u għalhekk ikunu ngħalqu l-kategoriji kollha din is-sena minbarra dawk li kienu fil-korpi iżda li mbagħad kienu marru mas-settur pubbliku – jiġifieri mhux mas-servizz imma anke ma’ korporazzjonijiet u entitajiet oħra. B’hekk inkunu żammejna kelmtna, kif dejjem għamilna.”
Qal li ż-żewġ skemi tal-Malta Electricity Board u tal-eks ħaddiema tax-xatt ingħalqu, u fadal l-aħħar żewġ skemi.
Dawn iż-żewġ skemi huma immirati biex jindirizzaw lill-eks membri tal-korpi mwaqqfa qabel l-1979 u oħrajn li wara daħlu jaħdmu fis-servizz pubbliku, għal dawk li wkoll kienu fil-korpi iżda wara daħlu jaħdmu fis-settur pubbliku, għall-eks impjegati tal-Gas Board u grupp żgħir ta’ eks apprentisti tal-Malta Electricity Board li ġew trasferiti mal-korporazzjoni Enemalta.
It-termini u kundizzjonijiet tal-iskemi se jixxandru fil-ħarġa li jmiss tal-Gazzetta tal-Gvern.
Iż-żmien biex wieħed japplika jagħlaq fl-aħħar ta’ Lulju u l-ħlasijiet isiru wara proċess ta’ verifika aktar tard matul is-sena.