Għas-sajf li ġej id-deckchairs f’Kemmuna, primarjament fiż-żona ta’ Bejn il-Kmiemen (Blue Lagoon), se jonqsu għal 35 fil-mija ta’ dak li kien hemm qabel.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, fejn f’kummenti ma’ ONE News spjega kif il-ħsieb wara dan kollu huwa sabiex lill-pubbliku li jmorru jgawdu l-gżira ta’ bejn il-gżejjer, jingħatalu aktar spazju.
“Dan qed nagħmluh sabiex nagħtu iżjed spazju lill-pubbliku, kemm lit-turisti u anke lill-Maltin li jżuru il-Blue Lagoon. Apparti minn hekk irridu ntejbu l-esperjenza ħolistika tagħhom. Allura dan il-fatt li se nħallu l-moll u anke l-bajja li ma jkunx hemm deckchairs se jwassal għal management aħjar tan-nies hekk kif jaslu bid-dgħajjes.”
Apparti dan, il-Gvern qed jara li Kemmuna tkun aktar nadifa.
“Qed naħdmu biex inżidu xift ieħor ta’ ħaddiema illi jnaddaf l-akkwati matul il-ġurnata kollha kemm hi u xift ieħor tad-dgħajsa illi tieħu l-iskart minn Blue Lagoon. Hija ħaġa ovvja illi l-iskart irid jitneħħa minn hemmhekk b’dgħajsa u allura qed naraw li nieħdu ħsieb dak l-aspett ukoll, biex filwaqt li qed inaddfu, qed ineħħu wkoll l-iskart matul il-ġurnata.”
Il-Ministru Clayton Bartolo spjega wkoll kif il-ħidma tal-Gvern mhux se tieqaf hawn, u li se jara li jkun hemm pjan fit-tul.
“Dan kollu se jwassal biex fl-immedjat nibdew naraw riżultati pożittivi u esperjenza aħjar, għal dawk kollha li jżuru Kemmuna. Madanakollu xorta waħda qed naħdmu għal pjan fit-tul, li se jkun qed jieħu inkonsiderazzjoni ta’ dawn il-fatti kollha matul is-sajf li ġej imbagħad ladarba jispiċċa dak il-pjan u wieħed ikun jista’ jitlaq biex jippjana fit-tul u jkun hemm tender għall-immaniġġjar aħjar ta’ Blue Lagoon għaż-żmien li ġej.”
Ritratt: getawaysmalta