Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, ċaħad kategorikament allegazzjonijiet li ma mexiex kif kellu jimxi fil-każ ta’ żewġ uffiċjali tal-Pilatus Bank. Huwa ċaħad ukoll li kellu xi pressjoni politika biex ma jressaqx lil dawn l-uffiċjali l-Qorti.
Il-Kummissarju għamel din id-dikjarazzjoni permezz ta’ kummenti lill-gazzetta Malta Today mill-kelliem tal-Korp tal-Pulizija. Huwa għamilha ċara li d-deċiżjonijiet li ħa l-Korp tal-Pulizija qegħdin, u se jkompli jiġu spjegati, fil-fora rispettivi, inkluż fil-proċedimenti ġudizzjarji li għaddejjin bħalissa dwar dan il-każ.
Kien il-President tal-għaqda Repubbika Robert Aquilina, ħu l-esponent tal-establishment tal-PN Karol Aquilina, li għamel dawn l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Malta Today fakkret li l-Pulizija fil-fatt ressqet uffiċjal tal-Pilatus Bank il-Qorti fuq akkużi ta’ ħasil tal-flus u reati finanzjarji oħrajn. Barra minn hekk, ħarġet mandati internazzjonali ta’ arrest għall-uffiċjali barranin tal-Bank li ġew indikati mill-Qorti, inkluż sid il-bank innifsu.
Il-Pilatus Bank ngħalaq fl-2018 wara li, fuq struzzjoni mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, ġiet irtirata l-liċenzja tiegħu mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Intant, fi żvilupp ieħor, il-Korp tal-Pulizija ħareġ stqarrija li fiha ċaħad kategorikament dik li sejħilha “allegazzjoni bla bażi mill-gazzetta In-Nazzjon tal-lum. Il-Pulizija għamiltha ċara li dak li nkiteb f’In-Nazzjon mhu xejn għajr allegazzjoni bla bażi, filwaqt li rrimarkat li hija prekluża bil-liġi milli tagħti dettalji dwar investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin. In-Nazzjon allegat indħil politiku biex xi persuna ma tiressaqx il-Qorti għalissa b’rabta ma’ evażjoni ta’ taxxa.