Is-sena l-oħra, il-Pixkerija rreġistrat bejgħ totali ta’ 731 tunnellata ta’ ħut, li jfisser qabża ta’ 71 fil-mija fuq iċ-ċifra ekwivalenti matul is-sena preċedenti. Fl-istess perjodu, il-kontribut ekonomiku ta’ dan il-bejgħ laħaq ċifra ta’ €3.3 miljun matul is-sena li għaddiet: żieda ta’ 25 fil-mija fuq dak tas-sena 2021.
Dan ħabbritu s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, meta inawgurat investiment ġdid fil-Pixkerija, fejn se jkun jista’ jsir it-tqattigħ tal-ħut.
Permezz ta’ dan l-investiment, il-proċess se jkun aktar effiċjenti u skont l-aktar standards għoljin tas-sanità. Il-post huwa attrezzat b’tagħmir modern u bi skieken ġodda biex jintużaw mill-ħaddiema. Dan se jassigura li l-proċess tat-tqattigħ tal-ħut isir f’konformità mal-ogħla livelli ta’ iġjene, kif ukoll abbażi tar-regolamenti taħt l-Att dwar is-Servizzi Veterinarji.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said saħqet li dan l-ispazju l-ġdid qiegħed isaħħaħ il-kompetittività tas-settur tas-sajd lokali, biex b’hekk nipproteġu l-għajxien tas-sajjieda.
L-inawgurazzjoni saret flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, l-aġenzija li tmexxi l-Pixkerija, Brian Vella, li rrimarka li kien ilu jinħass il-bżonn li fil-Pixkerija jkun hemm spazju apposta fejn jitqatta’ l-ħut. Huwa qal li, b’dan l-iżvilupp, il-Malta Food Agency qed tara l-bżonnijiet kemm tas-sajjied kif ukoll tax-xerrej u tal-konsumatur biex tiżgura li, fl-aħħar mill-aħħar, dak kollu li jidħol fil-Pixkerija u dak li joħroġ minnha jasal għand il-konsumatur bħala prodott ta’ kwalità.
Min-naħa tiegħi Ernest Galea, pitkal, spjega kif, b’din it-taqsima fejn jitqatta’ l-ħut, se jispiċċa ż-żmien meta l-bejjiegħa tal-ħut li ma jkunx jaqbillhom jixtru ħuta sħiħa jispiċċaw ma jixtrux. Issa, il-pitkal se jkun jista’ jirkanta anki l-ħuta mqatta’ u, b’hekk, iġib ukoll l-aħjar prezz għas-sajjied.
“Ma stajniex inġibu ħuta kbira u nqattgħuha u nbigħuha lil ħafna nies differenti, bil-konsegwenza li jkollok tbigħha sħiħa lil xi ħadd u mbagħad hu jqattagħha biċċa biċċa u jbigħha hu, f’post ieħor, barra mill-pixkerija.”
Anki l-President tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, Michael Carabott, kellu kliem ta’ sodisfazzjon dwar il-fatt li s-sajjieda u l-hawkers se jgawdu minn dan l-investiment.
“Illum ftaħna dawn il-kmamar. Tajbin ħafna, għall-ġid tas-sajjieda u tal-hawkers. Issa jistgħu jiġu l-kumpraturi iżjed, biex ikunu jistgħu jixtru mhux ħut kbir – ikunu jistgħu jixtru bil-biċċa.”