L-iskema Post-Doc Fellowship tnediet is-sena li għaddiet b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern, l-Università ta’ Malta, u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriżi, u l-Industrija, kienet miftuħa għal studenti li ggradwaw b’Dottorat sabiex jingħaqdu ma’ negozji lokali biex iwettqu proġetti ta’ riċerka mal-industrija.
B’dan il-mod, l-istudenti se jpoġġu fil-prattika dak li jkunu tgħallmu bil-għan li jgħinu lill-industrija lokali filwaqt li jiksbu l-esperjenza meħtieġa.
Din l-iskema kienet tammonta għal €300,000, u kull proġett se jieħu sa massimu ta’ €60,000.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ppreżenta l-fondi lil dawk ir-riċerkaturi u kumpaniji li ntgħażlu l-proġetti tagħhom taħt din l-iskema, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, saħaq fuq l-importanza tal-kollaborazzjoni ta’ dan it-tip bejn is-settur pubbliku u s-settur privat. Kienet kollaborazzjoni bħal din, fil-fatt, li wasslet biex tinħareġ din l-iskema.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, qal li, permezz ta’ din l-iskema, l-Università ta’ Malta tat il-kontribut tagħha u ħadmet mill-viċin ma’ dawk kollha involuti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriżi, u l-Industrija, Dr Marthese Portelli, qalet li l-Kamra tal-Kummerċ ilha ħadem għal skemi ta’ dan it-tip u għaldaqstant hija kuntenta li llum qed jiġu ppreżentati l-fondi lill-benefiċjarji ta’ din l-iskema.