Il-preparamenti għaddejjin biex, anki din is-sena, il-banda tal-Partit Laburista tanima l-attività ewlenija organizzata mill-Partit Laburista għal Jum il-Ħaddiem, fil-Belt Valletta.
Ray Azzopardi, li huwa l-President tal-Kumitat tat-tmexxija tal-Banda tal-Partit Laburista, jagħti valur kbir lill-element tat-tradizzjoni, bl-istorja twila li għandha din il-fergħa tal-partit, li taf il-bidu tagħha fis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor.
Din il-banda kienet magħrufa bħala l-Labour Jazz Band u kienet imwaqqfa fiż-Żejtun.
Ray Azzopardi qal “Kienet tieħu sehem fil-manifestazzjonijiet li kien jorganizza l-Partit Laburista u biż-żmien, minħabba li kienet ingħatat twissija mill-awtoritajiet ekkleżjastiċi, din il-banda ma baqgħetx tieħu sehem. Għalhekk minn hemmekk ħarġet il-banda tal-Partit Laburista.”
Illum, is-surmast Direttur huwa l-Mro David Agius u l-assistent Surmast huwa Nicholas Vella.
Ray Azzopardi qal li l-banda tal-Partit Laburista hija miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jagħtu sehemhom. Huwa ħeġġeġ lil dawk il-bandisti li jixtiequ jieħdu sehem fl-Ewwel ta’ Mejju biex dakinhar ikunu quddiem il-binja tal-General Workers’ Union fis-1.30pm. Minn hemmekk tingħaqad il-banda u tibda l-marċ tagħha.
Huwa qal “Nhar it-Tnejn, l-ewwel ta’ Mejju, qed nistennew numru kbir ta’ mużiċisti li jingħaqdu mal-banda tal-Partit Laburista biex jibdew bil-marċ, li jibda għal-ħabta tas-sagħtejn minn Triq in-Nofsinhar, jgħaddi minn Triq il-Repubblika, u mbagħad minn hemmhekk jitla’ Triq il-Merkanti u jkompli safejn se jintemm il-marċ qabel ma jibda l-Mass Meeting għall-ħabta tat-tlieta.”
Il-qofol tal-attività jintlaħaq bil-messaġġ mistenni mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela.
ritratt: M. Degabriele