Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ddiskutiet is-sejbiet ta’ riċerka b’rabta mal-esperjenzi abbużivi fit-tfulija.
Fil-fatt waqt il-konferenza intitolata, ‘Nipproteġu lit-Tfal mill-Vjolenza’ ġew ippreżentati s-sejbiet tar-riċerka bit-tema ‘Sigurtà fit-Tfulija: Studju ta’ Prevalenza dwar Esperjenzi Abbużivi fit-Tfulija f’Malta’.
Din ir-riċerka, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna, saret minn riċerkaturi mid-Dipartiment tal-Istudji tat-Tfal u l-Familja fi ħdan il-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali fl-Università ta’ Malta.
Ir-riċerka stħarrġet dwar il-prevalenza ta’ esperjenzi abbużivi fit-tfulija, fejn dawn is-sejbiet jindikaw li fost il-forom ta’ abbuż, l-iktar prevalenti huwa dak fejn it-tfal jesperjenzaw vjolenza mill-aħwa u minn dawk tamparhom, segwit minn dak fejn it-tfal jesperjenzaw trattament ħażin u dak fejn it-tfal ikunu xhieda tal-vjolenza domestika.
Bħala medja, nisa li għalqu s-17-il sena esperjenzaw vittimizzazzjoni fit-tfulija tagħhom aktar mill-irġiel. Din l-istatistika nġabret permezz ta’ stħarriġ kwantitattiv ma’ kampjun rappreżentattiv ta’ 433 parteċipant li għandhom bejn it-18 u l-24 sena.
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, saħqet dwar l-importanza li jkollna riċerka lokali li tirrifletti r-realtajiet tas-soċjetà Maltija kontemporanja għall-kitba ta’ politika dejjem iktar effettiva dwar il-vjolenza domestika u l-effett li din tħalli fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u l-familji.
Il-konferenza indirizzawha wkoll il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli; il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon; il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri; il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard; u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg.