Ċifri li għadhom kemm ġew ippubblikati mill-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp (il-UNDP) jixhdu li l-politika tal-gvern Laburista fissret żvilupp qawwi fl-oqsma tas-saħħa, tal-edukazzjoni, u tal-ħarsien soċjali fil-kuntest tal-progress soċjoekonomiku tal-pajjiż.
Fil-fatt, dawn il-figuri juri li Malta rnexxielha tkabbar l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem (magħruf bħala HDI) b’6.6 fil-mija f’perjodu ta’ 11-il sena.
Dan l-iżvilupp ngħata spinta kbira ’l quddiem bil-bidla fil-Gvern fl-2013, tant li l-klassifikazzjoni ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea tjiebet mis-16-il post fl-2010 għad-disa’ post fl-2021.
L-Indiċi HDI hu wieħed utli ħafna għax jitfa’ dawl importanti fuq ir-rabta bejn it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp tal-bniedem. Illum kulħadd jagħraf li ż-żieda fil-Prodott Domestiku Gross waħedha mhix indikatur assolut tal-progress f’pajjiż.
L-iżvilupp irid jagħti kas ukoll ta’ kriterji alternattivi bħalma huma l-impjiegi, it-tqassim tal-ġid fis-soċjetà, u jekk il-ħtiġijiet bażiċi tan-nies humiex moqdijin.
L-Iżvizzera għandha l-ogħla indiċi ta’ żvilupp uman fid-dinja, waqt li d-Danimarka għandha l-ogħla wieħed fl-Unjoni Ewropea, u l-pożizzjoni tagħhom fil-quċċata baqgħet l-istess. Malta telgħet mit-32 post fl-1990 għat-23 post fid-dinja u, sentejn ilu, għad-disa’ post fl-Unjoni Ewropea. Dan sar possibbli għax it-tkabbir annwali fl-iżvilupp f’Malta kien ta’ 0.74 fil-mija fl-20 sena li għaddew. Fil-bqija tad-dinja t-tkabbir annwali fl-iżvilupp kien 0.64 fil-mija.
Din ir-rata ta’ tkabbir fl-iżvilupp tisboq ukoll lil dawk tal-ewwel fil-lista – l-Iżvizzera u d-Danimarka – li esperjenzaw tkabbir ta’ 0.40 fil-mija u 0.64 fil-mija rispettivament.